Dak li hu Malti - aktar fid-deher

  • Lul 31, 2017 08:16
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Ħaġa li dejjem tolqotni hi kemm hemm affarijiet li joħorġu dak li hu Malti li huma moħbijin.  Moħbijin fis-sens li trid tagħmel sforz mhux ħażin biex issir taf aktar dwarhom.

    Wieħed mill-effetti li din tħalli hu fuq iż-żgħar.  Mal-ewwel tittendi li mhux talli jafu ftit affarijiet fuq Malta u dak li hu Malti iżda ftit li xejn jinterresahom.  Personalment nemmen li ħafna huma r-raġunijiet għal dan.  Waħda mill-aktar affarijiet li hemm nieqsa hi li dawn l-affarijiet mhux fid-deher.  

    Ħaġa li żgur tiddistingwina hi l-lingwa.  Aktar ma tuża l-lingwa aktar tkun tafha u aktar titgħallem sew il-vokabularju u sew kif tużaha.  Hawn għandna l-ewwel intopp.  Dak li aktar ma jgħaddi żmien aktar issib li hu diffiċċli li ssib fejn tużaha.  It-tfal llum qed isibu diffikultajiet kbar biex jitgħallmu l-lingwa Maltija.  Hemm ħafna affarijiet kontra tagħha.  Dan l-aħħar il-Ministru tal-Edukazzjoni laqat il-musmar fuq rasu meta qal li llum in-numru ta’ tfal li jaslu l-iskola mingħajr ma jkunu jafu jitkellmu sew qed jikber.  

    Hemm diversi raġunijiet.   Żgur li l-akbar waħda hi, dik li semma l-Ministru stess, li llum hu diffiċli li l-ġenituri jitkellmu ma’ uliedhom.  Dan għaliex il-ħajja saret aktar mgħaġġla u l-ġenituri saru aktar imħabbta.  Per eżempju, is-sajf kien ikun okkażjoni fejn it-tfal kienu jqattgħu ħafna aktar żmien mal-ġenituri speċjalment l-ommijiet fejn hemm kienu jitgħallmu ħafna aktar affarijiet mil-lingwa.  It-tfajliet kienu jitgħallmu ħafna kif jieħdu ħsieb il-familja sew fid-dar u sew meta jmorru jixtru.  L-istess is-subien kienu jitgħallmu ħafna aktar affarijiet minn missierhom.  Affarijiet tradizzjonali, affarijiet li kienu jitfgħuna fir-rwol tradizzjonali, iva, iżda li bin-nuqqasijiet kollha d-dar kienet ukoll isservi ħafna ta’ skola fejn titgħallem il-ħiliet li għandek bżonn għal ħajja u permezz t’hekk il-lingwa.  

    Illum din ġiet illimitata ħafna.  Illum ssib li l-ġenituri t-tnejn jaħdmu u għalhekk il-ħin li għandhom biex iqattgħu mal-familja naqas ħafna.  Kien hemm tradizzjonijiet u użanzi li kienu jagħtu aktar okkażjonijiet fejn nitkellmu ma’ xulxin.  Kienet tradizzjoni, veru li dak iż-żmien ma kienx hawn air conditioners fis-sajf u filgħaxija l-familji kienu joħorġu maġemb il-bieb tad-dar tagħhom jitkellmu mal-ġirien.  Kienet okkażjoni fejn it-tfal kienu joqogħdu jisimgħu lill-ġenituri tagħhom jitkellmu u jirrakkontaw.  Okkażjoni fejn it-tfal kienu jitgħallmu l-ħila li jirrakkontaw u joħolqu xi storja.  

    Illum sfortunatament dawn l-okkażjonijiet intilfu.  Hu minħabba t’hekk li rridu nsibu mezzi oħra fejn it-tfal ikollhom okkażjonijiet fejn mhux biss jisimgħu u jiktbu iżda wkoll jitkellmu.  L-iskola tista’ tkun mezz jekk inbiddlu l-mod ta’ tagħlim.  Nemmen li jekk irridu ngħallmu l-lingwa Maltija t-tfal irid ikollhom mezz biex jesprimu ruħhom.  Il-grammatika hi importanti biss mhux kollox.  X’hemm ħażin li jekk irridu ngħallmu t-tfal il-verbi, l-ewwel joħorġu tlett it-tfal li jagħmlu żewġ minuti jitkellmu kull wieħed fuq suġġett u wara l-lezzjoni tal-verbi toħroġ minn din it-taħdita tat-tfal stess.  Ċert li hemm ħafna metodi oħra fejn noħolqu spazji fejn it-tfal jistgħu jipprattikaw il-lingwa b’mod ħaj u utli.

    Biex tgħaxxaqha anki l-kommunikazzjoni ħadet xejra oħra.  L-ikla kienet tkun okkażjoni fejn kulħadd jirrakkonta tiegħu.  Mhux dejjem konna naqblu. Anzi.  Biss kienet tkun okkażjoni oħra ta’ kważi kuljum fejn niltaqgħu u nitkellmu ma’ xulxin.  Forsi t-tfal għal l-ewwel kienu jisimgħu biss. Iżda wara kulħadd kien jitkellem biex jagħti sehmu.  Min jitkellem fuq l-ikel u min jirrakkonta dak li kien iltaqa’ miegħu dak in-nhar.  Kienet okkażjoni oħra importanti fejn nitgħallmu l-lingwa Maltija.  

    Ħares madwarek u tara kemm dawn l-okkażjonijiet naqsu.  Illum aktar sirna nafu naqsmu ħsibijietna u nikkomunikaw ma’ ħaddieħor permezz tad-dinja diġitali milli nitkellmu.  Fejn qabel biex tgħid xi ħaġa lil xi ħadd kont iċċempillu, illum nibgħatlu sms jew email.  Kollox fil-qosor qieshom f’code.  Dan tarah l-aktar f’ċerta sitwazzjonijiet.  Familja ħarġet għall-ikla kienet tkun okkażjoni oħra fejn barra li naqsmu l-ħsibijiet konna kważi l-ħin kollu nitkellmu ma’ xulxin.  Illum tara familja marret għall-ikel.  Żewġ affarijiet joħorġu fid-deher.  L-ewwel hi li l-ġenituri l-aktar ħaġa li saret importanti għalihom hi l-mobile.  It-tnejn iħarsu lejn il-mobile tagħhom, jaraw jew jibagħtu xi messaġġ milli jitkellmu ma’ xulxin.  It-tfal xejn mhu anqas minnhom.  Fejn qabel kien ikollok it-tfal jaqbdu ma’ xulxin, illum kollha bil-logħba elettronika tagħhom u jgħaddsu rashom hemm u qiesu ma hemm ħadd madwarhom.

    Il-media digitali llum qed tissupera t-teknoloġiji u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni.  Illum it-tfal il-logħob tagħhom m’għadux ikun logħob ma’ tfal oħra.  L-anqas ma hu logħob b’affarijiet.  Illum it-tfal il-komunikazzjoni tagħhom hi permezz tad-dinja diġitali.  Nemmen li jekk irridu li l-Malti jibqa’ jiffjorixxi rridu li sew l-għalliema, sew l-awturi u kull min jixtieq jesprimi ruħu jrid jitgħallem ukoll fuq il-mezzi digitali.  Kif qabel konna nitgħallmu niktbu fuq karta, illum irridu nesprimu ruħna f’din id-dinja li l-ġenerazzjonijiet futuri ser ikunu jgħixu fiha. Id-dinja diġitali għandha l-iżvantaġġi tagħha iżda wkoll toffri opportunitajiet ġodda li jagħmlu l-affarijiet aktar interessanti.

    Illum qed nagħtu ħafna opportunitajiet lill-kittieba biex jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom.  Dan hu pass ‘il quddiem peress li barra li l-inkoraġġiment hu tajjeb, is-suq Malti hu żgħir biex issostni lill-kittieba kollha.  Biss dan hu l-ewwel pass.  Nemmen li rridu ninkoraġġixxu artisti u nies oħra biex dawn ix-xogħlijiet jidħlu fid-dinja diġitali.  Irridu nħajru studenti fl-ICT sew fl-Universita’ u sew fl-MCAST biex dawn ix-xogħlijiet isibu ruħhom fuq il-youtube u mezzi oħra diġitali.  Kif għidt din hi d-dinja li qed jgħixu ż-żgħażagħ u t-tfal tagħna.  Jekk ma nużawx dawn il-mezzi, lit-tfal tagħna ma nilħquhomx u b’hekk il-lingwa Maltija, l-akbar element li jagħmilna Maltin, tkun qed tinqered. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook