Duwa tal-kanċer

  • Lul 31, 2017 08:41
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Hi aħbar tajba li l-gvern qed iwessa l-firxa ta’ mediċini kontra l-kanċer li hu “jqassam” lill-morda. Ħafna minn dawn il-mediċini ma jkunux ilhom li daħlu fis-suq. In-numru ta’ pazjenti li jistgħu jużawhom hu limitat. B’hekk, il-prezz tagħhom jiġi m’għola s-smewwiet. Il-pazjent u familtu/ha jkunu jridu jissallbu biex jixtruhom.

    Li għandna strateġija biex nilqgħu għal dil-problema, u qed inwettquha, hu żvilupp inkoraġġanti. Jien li għaddejt minn żmien ikrah fejn tħossok ostaġġ ta’ dil-marda kiefra, naf ukoll il-kuraġġ li tagħtik duwa li biha tista’ tikkumbatti sew id-deni li daħal ġo fik.

    Id-deċiżjonijiet dwar jekk il-gvern għandux hu jixtri jew le, duwa “ġdida” kontra l-kanċer huma delikati għall-aħħar. Jistgħu jinvolvu spiża kbira li ma jkunx ċar hijiex se tirnexxi jew le. U jinvolvu wkoll għażliet li jistgħu jfissru d-differenza bejn ħajja u mewt għal numru ta’ ċittadini. Hi ħaġa tajba li dawn id-dilemmi qed jiġu ffaċċjati. 

    ***

    INBID U ĠBEJNIET 

    Waqt li niddeploraw kif il-biedja baqgħet tmajna bil-kbir f’pajjiżna – kif kien prevedibbli li se jiġri bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea – niddubita kemm qed nagħmlu biżżejjed, anke fil-qafas tar-regolamenti Ewropej, biex inseddqu ċ-ċansijiet tal-biedja ħalli ssostni xi ftit mill-post li messu kien tagħha.

    Pereżempju skont ma smajt, jidher li ma tħaddimx b’galbu biżżejjed pjan dwar l-imsaġar tad-dwieli. Ittellqu biex jipprovdu għenba “Maltija” skont ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea miż-żmien li bdiet is-sħubija. Biss il-pjan ma pprevediex li l-imsaġar riedu jinqalgħu kull tant żmien biex jiġġeddu bi dwieli oħra.

    Bl-istess mod waqgħu lura jew sfaw ineffettivi ħidmiet biex prodotti tal-biedja Maltija bħall-ġbejniet jingħataw tikketta Ewropea ta’ oriġini Maltija. Din suppost tippermettilhom jinbigħu bi prezz li jħalli aktar valur miżjud fis-settur u allura jagħmlu jrendi aktar.

    Neħtieġu dibattitu miftuħ u wiesa’ dwar dawn l-isfidi.

    ***

    LETTERATURA SPANJOLA

    Kont qed naqra fi traduzzjoni r-rumanz ta’ Jaume Cabre “Is-Sinjurija Tiegħu”. Sibtu tassew interessanti, mhux l-aktar għax jiżvolġi f’tarf is-sena 1799, lejliet bidla fis-seklu – tema li kienet ittantat anke lili. Cabre jikteb bi stil folt, dirett u biered. Ir-rakkont tiegħu jifrex fuq l-ipokresija u l-korruzzjoni fit-tmexxija ta’ Barcellona taħt ir-reġim Borboniku li daqt jikkrolla.

    Biss l-aktar li laqatni kien il-fatt li l-kitba oriġinali kienet bil-Katalan. Għalina li nħarsu lejn l-Iberja minn barra, il-letteratura Spanjola tinkiteb bl-“Ispanjol”. Mentri le, mhux bil-Kastellan biss imma b’ilsna oħra – bħall-Katalan – li għandhom tradizzjoni letterarja u kulturali qawwija daqs tal-Kastillan. Ħaġa li issa tidhirli ovvja imma li kważi dejjem ħbatt ninsiha. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0