SKART FIT-TOROQ

  • Aww 03, 2017 08:40
  • Miktub minn Alfred Sant

    Hi biss impressjoni jew tassew qed jiżdied l-iskart fit-toroq? Donnu li mhux sempliċement ir-rimi żdied imma qed inbatu biex nassiguraw li t-tindif isir regolarment u b’mod tajjeb.

    Kont smajt, imma forsi nformawni ħażin, li problemi kroniċi fil-ġbir tal-iskart maż-żmien baqgħu jiżdiedu mhux jonqsu. Naturalment dan mhux qasam li jiġbed lejh wisq interess, ħlief meta l-affarijiet tassew jiżgarraw għal kollox, li mhuwiex il-kas sa issa.

    Jidher li parti sostanzjali tar-responsabbiltà għall-ġbir tal-iskart, inkluż it-tindif pubbliku, taqa’ taħt il-kunsilli lokali. Kważi kollha jilmentaw, x’aktarx bir-raġun, li m’għandhomx fondi biżżejjed. Biex tagħqad, il-volum ta’ skart żdied, mhux l-anqas f’riflessjoni tat-tkabbir ekonomiku, speċjalment fil-kostruzzjoni; il-ħteġiet ambjentali “ġodda” daħħlu l-esiġenza ta’ ġbir organizzat b’mod aktar komplikat u allura jiġi jqum aktar; fil-ġirja għall-irħas kuntratt mal-privat għall-ġbir u t-tindif, il-kwalità tas-servizz majnat (mhux kullimkien); u forsi wkoll in-nies saru aktar traskurati.

    Ta’ min wieħed jara kif titqajjem kuxjenza dwar x’jista’ jsir biex il-problema tiġi kontrollata.

    MIN BDIHA?

    Tista’ taqbel jew ma taqbilx (jien pjuttost le) mad-dijatriba li l-kap tal-kumnikazzjoni f’Kastilja ppubblika f’gazzetta lokali kontra l-kap attwali tal-Oppożizzjoni.

    Li laqatni fuq kollox kienu l-ilmenti ta’ bosta erwieħ tajba, dwar kif mhux sew li uffiċjal publiku, anke jekk hu appuntat politikament, jippronunzja ruħu b’mod partiġġjan. Dawn l-erwieħ tajba fejn kienu matul l-aħħar ħmistax-il sena?

    Sa minn qabel l-2003, membri tas-segretarjati ta’ ministri Nazzjonalisti ta’ dak iż-żmien bdew ma jitmeżimżux fil-kumnikazzjonijiet uffiċjali tagħhom ikunu partiġġjani, ġieli bl-akar mod ardit. Veru li dak iż-żmien kien hemm id-deni tal-kontroversja dwar jekk Malta kellhiex tidħol jew le fl-Unjoni Ewropea. Imma wara li din għaddiet, il-prattika baqgħet għaddejja fiż-żewġ amministrazzjonijiet ta’ Dottor Gonzi.

    Stramba hux, imma dak iż-żmien l-ebda ruħ tajba ma ħarġet tilmenta. Kien hemm min iżżuffjetta meta qajjimt il-punt.

    SOLUZZJONIJIET TA’ MALAJR

    Kwalunkwe gvern jiġi ffaċċjat b’tentazzjoni kbira biex quddiem sfidi kbar u politikament diffiċli jara kif jillipazza u jagħżel soluzzjonijiet ta’ malajr. Uħud minnhom ikunu skont kif jgħid il-qawl Malti, bħal meta traqqa l-pannu bil-qargħa aħmar.

    Biss meta bħal fiż-żminijiet tal-lum, l-ekonomija tkun tippompja b’rankatura sabiħa, jinħoloq spazju u nifs biex it-toroq li jintgħażlu jkunu dawk aktar diffiċli li mhux dejjem jiftehmu mill-ewwel għax ikunu qed jitfasslu għat-tul.

    Fl-istess ħin, wieħed irid joqgħod attent biex ma jaffaċċjax ħafna sfidi “tat-tul” f’salt. Wisq minnhom jistgħu jiżbilanċjaw id-dgħajsa, jekk tkun ċkejkna. U ma tridx tħares iżżejjed fit-tul, għax sakemm tasal dik l-iskadenza kif intqal, kulħadd ikun miet.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0