F’BARĊELLONA

  • Aww 07, 2017 08:30
  • Miktub minn Alfred Sant

    F’BARĊELLONA

    Il-protesti popolari li qed iqumu f’Barcellona minħabba l-effetti tat-turiżmu fuq dik il-belt u r-residenti tagħha jservu ta’ twissija għalina wkoll. 

    Veru li l-gwaj li nqala’ f’ħafna nħawi tal-Mediterran, żied it-talba għal vaganzi fejn (sa issa) m’hemmx gwaj  – fosthom (Malta u ) Barcellona. Imma f’tal-aħħar, it-tgergir kontra t-turiżmu ilu jinħema. 

    Barcellona hi belt enormi bil-kejl tagħna. Warajha għandha territorju mifrux sew li jiflaħ in-nies. Jew hekk taħseb tħares lejn il-biċċa minn barra. 

     Biss lil hinn mill-firxa tat-territorju, trid tqis kemm l-infrastruttura fiżika tista’ tlaħħaq mal-folol ġejjin biex iżuru. Barra minn drenaġġ, toroq, traffiku, ilma u dawl, ikun hemm il-pressjoni ma taqta’ xejn fuq djar u appartamenti: iċ-ċittadin resident li jrid jixtri jew jikri, se jsibha ħaġa dejjem aktar diffiċli. 

    Mhux billi l-mudell ta’ żvilupp Malti sa minn żmien żemżem sal-lum dejjem kien li nġibu l-barranin joqgħodu u jaħdmu fostna. Dak li qed jitqanqal f’Barcellona, għad inġarrbuh aħna... forsi aktar malajr milli wieħed jimmaġina.

    ABBUŻI PARLAMENTARI

    Kienet bdiet bħala mod kif jagħmlu l-ħajja diffiċli għal Marine Le Pen tal-Front Nazzjonali Franċiż: akkużawha li użat fondi tal-Parlament Ewropew maħsuba ħalli hi u sħabha jkollha assistenti hemm, biex tiffinanzja l-impjieg ta’ uffiċjali mal-partit tagħha fi Franza.

    Wara, ħarġet li oħrajn għamlu l-istess ħaġa u kellhom iħallu l-kariga ħin bla waqt: erba’ ministri mill-ewwel kabinett tal-President Macron, fosthom waħda li kienet irrreżinjat friska mill-Parlament Ewropew biex tilħaq ministru.

    Kellna l-każ ta’ Francois Fillon, kandidat tal-lemin għall-Presidenza Franċiża li “nqabad” li mill-allowances tal-Parlament Franċiż, kien ipprovda impjiegi fittizji għal martu u uliedu. 

     Issa hemm eks-ministri u deputati Franċiżi li qed jiġu mixlija bl-istess dnub.

    Sadattant, għad iridu jiġu kjarifikati rapporti maħruġa fil-ġurnal Der Spiegel dwar kif il-kandidat soċjalista għal kanċellier Ġermaniż, Martin Schulz, inqeda b’fondi tal-Parlament Ewropew biex ipoġġi f’karigi strateġiċi assistenti fdati tiegħu.

    Nissuspetta li daqt se nkunu qed nisimgħu b’aktar minn dawn il-maniġġi.

     

    WIRJA PARLAMENTARI

    Diġà semmejtha xhur ilu minn hawn: waħda mill-inizjattivi li rnexxiet waqt il-Presidenza minn Malta tal-Unjoni Ewropea kienet wirja ta’ pitturi minn artisti Maltin tal-lum u tal-bieraħ fil-Parlament Ewropew. 

     Is-servizzi tal-Parlament kienu għamlu video qasir ta’ ftit aktar minn żewġ minuti li juri l-pitturi esibiti waħda wara l-oħra. Użawh bħala parti mill-wirja. Hu magħmul tajjeb ħafna. 

     Dnub jekk jindifen. Forsi tkun idea tajba li l-awtorità Maltija kompetenti f’dawn l-affarijiet tiddobba l-permessi jew drittijiet meħtieġa biex tkun tista’ tuża l-video bħala pubbliċità eċċellenti għall-arti viżiva Maltija.   

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook