Neymar... u eżamijiet

  • Aww 07, 2017 19:16
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Neymar

    Dan l-aħħar kellna rekord ieħor li l-plajer Neymar inbiegħ għas-somma ta’ €222 miljun.  Somma kbira u esaġerata.  Forsi għal ħafna ma tidhirx daqshekk kbira għax numri daqshekk kbar hu diffiċli li nagħrfu s-sinifikat tagħhom.  Biex inkunu realistiċi, tajjeb li niftakru li persuna li taqla’ €4000 salarju fix-xahar (paga diċenti ħafna li ħafna ħaddiema jixtiequ li jaqilgħu) trid iddum taħdem aktar minn 4000 sena biex taqlagħhom.  Jekk persuna iġġemma’ €1000 kuljum irid idum aktar minn 600 sena biex iġġemmagħhom.  Daqshekk hi kbira din is-somma. 

    Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, min ser iħallasshom dawn il-flus?  It-tweġiba hi sempliċi.  Jien u int.  Effett minnhom hi li tistenna li aktar ma jiżdiedu s-somom li jitħallsu l-plajers aktar ser jiżdiedu l-prezzijiet li l-konsumaturi jkollhom iħallsu meta jmorru jaraw il-logħob tal-futbol.  L-istess dawk li ser jaraw il-futbol fuq it-tv, stennew li fis-snin li ġejjin ser tibdew tħallsu ħafna aktar.  

    Diġa’ rajna li kif wasal Pariġi ħarġu l-flokkijiet tiegħu.  Qed jinbiegħu €155 meta probabbilment flok lanqas jiswa €15 biex isir.  

    Dan ma bediex illum.  Din is-sitwazzjoni bdewha l-FIFA li minflok kabbru l-logħob tal-futbol fi sport biddlu din il-logħba minn sport għal magna li tagħmel il-flus!

    L-eżamijiet

    Dan l-aħħar l-Ombudsman li hu inkarigat mill-edukazzjoni ħareġ rapport dwar l-arranġamenti li jsiru għal tfal b’ċerti kundizzjonijiet li jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC.  Dan ir-rapport qajjem interess u qajjem mistoqsijiet fuq diversi suġġetti.  Aspett minnhom kien l-eżamijiet.

    Għalkemm ftit naf nies li huma komdi bl-eżamijiet, kulħadd jaċċettahom.  Mhux talli hekk, talli ftit huma dawk in-nies li huma komdi b’sistemi oħra li jistgħu jieħdu post l-eżamijiet.  Kulħadd jifhem li jrid ikun hemm mezz biex wieħed ikun żgur li l-istudenti li jkunu ser jingħataw iċ-ċertifikat ikunu laħqu l-oġġettivi tal-kors sew fuq is-suġġett u sew fuq il-livell.  Żgur li l-aktar metodu aċċettat hu l-eżami bil-kitba tal-id.  

    Fl-aħħar artiklu ktibt dwar kif id-dinja diġitali hi dik id-dinja li jgħixu fiha ħafna miż-żgħażagħ tagħna.  Biss din id-dinja llum infirxet b’tali mod u manjiera li nfilset f’kull aspett tal-ħajja.  Żgur li parti importanti mill-ħajja tagħna hi d-dinja tax-xogħol.  Id-dinja tax-xogħol hi differenti mid-dinja tal-edukazzjoni.  Imma fl-istess ħin huma żewġ dinjiet li huma magħquda ma’ xulxin għaliex id-dinja tal-edukazzjoni tippreparak għad-dinja tax-xogħol.  

    Veru li s-sistema edukattiva suppost li tagħtik ħafna aktar minn preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol.  Imma din il-preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol zgur li hi l-aktar importanti għaliex biha tkun tista’ ssib xogħol li jirrendilek u li jissodisfak.  Allura fejn jidħlu l-eżamijiet?  
    Kif diġa’ għidt, l-eżamijiet huma ċ-ċavetta għall-kwalifiki għaliex jiċċertifikaw li l-istudent laħaq ċertu livell u kiseb ċertu ħiliet f’dak is-suġġett.  Biss il-metodu biex nassiguraw dan illum ġeneralment hu li student imur ġo ċentru fejn jassiguraw l-identita’ tal-istudent u jaraw li l-istudent jwieġeb il-mistoqsijiet li jsib fil-karta tal-eżami billi jiktibhom b’idu f’perjodu ta’ ħin stabbilit mingħajr għajnuna ta’ ħadd.  Din il-forma ma ġietx mix-xejn iżda hi riflessjoni tal-ħtiġiet li tradizzjonalment issib fuq il-post tax-xogħol.  Nieħdu żewġ aspetti li joħorġu dan.  Għandek il-kitba u l-ħin.  Filwaqt li l-ħin hu importanti għaliex jirrifletti l-effiċjenza li jkun hemm bżonn fuq il-post tax-xogħol, il-kitba kienet il-mezz prinċipali li biha kienet issir il-komunikazzjoni fuq il-post tax-xogħol minħabba li l-kitba kienet mezz ukoll mezz ta’ dokumentazzjoni ta’ dak li jkun ġara, ġie deċiż jew miftihem.  

    Għalhekk jekk inkomplu fuq l-eżempju ta’ dawn iż-żewġ fatturi, dawn l-aspetti kienu importanti li nassigurawhom b’dan il-mod.  

    Il-mistoqsija li tqum u li tista’ twassalna biex naraw l-affarijiet differenti speċjalment fis-sistema edukattiva, hi:  dawn iż-żewġ fatturi għadhom importanti fid-dinja tal-lum.  Jekk inħarsu lejn il-ħin, insibu li dan sar aktar importanti.  Biss illum għandna għodod biex l-affarijiet isiru f’ħin anqas u b’aktar preċiżjoni.  Hemm ħafna eżempji ta’ dan.  Jekk nieħdu biss l-accounts insibu li bil-programmi li ġew żviluppati fuq il-computer, mhux biss il-ħin qsar, iżda anki l-korrettezza tal-kalkoli u l-preżentazzjoni tjiebu ħafna mingħajr sforz kbir min-naħa ta’ min ikun qed iħaddimhom.  Iżda biex tuża dawn l-għodod ġodda trid tuża l-computer.  Aktar ma tkun taf tuża l-computer aktar ser jgħinek fuq ix-xogħol u aktar tkun produttiv u aktar bżonjuż.  Allura għalfejn ma nħallux l-istudenti jużaw il-computer waqt l-eżamijiet?

    Aspett tal-eżamijiet li nemmen li għandu jimbidel hu li l-eżamijiet fil-livelli ta’ fuq għandhom ikunu open book li jfisser li l-istudent ikun jista’ juża sew kotba u sew informazzjoni fuq l-internet.  Hemm żewġ raġunijiet għal dan.  L-ewwel hi li fejn qabel biex issib informazzjoni kienet tkun battikata għaliex ħafna drabi trid tmur il-librerija u hemm tfittex l-informazzjoni, illum anki bi smart phone u konnessjoni mal-internet tista’ tikseb l-informazzjoni li trid, f’kull ħin, kważi mingħajr limitu mingħajr taħbit ta’ xejn.  Hi għodda li tintuża kuljum f’kull post tax-xogħol għaliex iżżidlek il-produzzjoni u x-xogħol ikun ibbażat aktar fuq il-fatti. 

    Dan iġib bidla kbira fl-edukazzjoni għaliex il-karti tal-eżamijiet ma jkunux jistgħu jibqgħu kif inhuma – ħafna minnhom jistaqsu għal fatti.  Il-bidla tkun li l-karti jkunu jibdew jitolbu aktar analiżi tal-fatti.  Din hi bidla li hemm bżonnha għaliex tipprepara lill-istudenti tagħna għal ħajja futura fejn dawk li għandhom potenzjal u huma avventurużi jiffaċċjaw numru kbir ta’ tibdil u sitwazzjonijiet differenti.  Din il-bidla tgħin lill-istudenti tagħna jagħmlu sens sew mill-fatti u sew mill-ħajja. 

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook