SERVIZZI FINANZJARJI

  • Aww 10, 2017 08:30
  • Miktub minn Alfred Sant

    SERVIZZI FINANZJARJI

    Nistħajjel li saret għal tal-apposta imma m’inix konvint li hi strateġija tajba. Id-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-futur tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji hu miktub bi stil ġenerali, ħlejju imma xott li donnu jbattlu minn kull kontenut. L-idea x’aktarx kienet li b’hekk, jitħalla kull spazju ħalli l-professjonisti finanzjarji fir-reazzjonijiet tagħhom iħossuhom ħielsa jikkumentaw kif jixtiequ.

    Imma dawn huma nies imħarrġa, bi proposti msajra fl-esperjenza, u mhux se joqgħodu lura milli jitkellmu ċar. 

    Wieħed kien jistenna li d-dokument jippreżenta talanqas analiżi tas-suq fis-servizzi finanzjarji fejn tinsab Malta u għaliex irriżulta suċċess f’oqsma u mhux f’oħra. X’inhuma l-perspettivi u t-theddid fl-oqsma ta’ suċċess? X’inhuma l-perspettivi f’setturi ġodda u qodma fejn aħna ma qbadniex art? Metodu bħal dan ma kienx se jagħmel xi ħsara kompetittiva peress li l-operaturi u l-klijenti, barranin u Maltin, jafu tajjeb kif is-suq qiegħed isuq.

    JEKK TISĦON WISQ

    Meta magna tirranka bil-kbir u tibqa’ għaddejja bla waqfien, is-sogru jkun li tisħon wisq. L-istess l-ekonomija: żgur li s-sogru qed jiżdied li l-ekonomija Maltija tibda riesqa lejn din il-kundizzjoni.

    Biss iċ-ċifri għadhom iserrħulna rasna dwar  dil-ħaġa. Bil-maqlub ta’ x’jiġri s-soltu, ir-rata tal-inflazzjoni tinsab allineata tajjeb mal-medja tar-rata fiż-żona tal-ewro. Jista’ jkun li dan qed jiġri minħabba l-livelli eżistenti tal-prezz taż-żejt u l-preżenza fostna ta’ bosta ħaddiema barranin li relattivament, qed jitħallsu bil-baxx.

    Min-naħa l-oħra hemm indikaturi, l-aktar ta’ natura impressjonistika, li jixegħlu bozza ħamra: il-kirjiet residenzjali li telgħin sew fil-prezz; il-konġestjoni fit-toroq; it-taħwid li qed jinqala’ fl-ippjanar u fil-bini.

    Fil-verità l-ekonomija qed tinbidel strutturalment b’mod li ma jixbahx il-modi kif tul l-aħħar deċennji, kienet inbidlet.

    ARTI

    Iċ-ċifri li ssemmew dan l-aħħar dwar kemm nies qed isibu xogħol fil-qasam tal-arti u l-kultura kienu nkoraġġanti. Hu sinjal ta’ żvilupp kulturali li kien ilu meħtieġ fis-soċjetà tagħna fejn l-arti u l-kultura għal żmien twil baqgħu jitqiesu bħala oqsma ta’ passatemp u żvog għad-dilettanti. Mhux aktar.

    Madankollu tajjeb li nżommu saqajna mal-art fis-sens li nkunu nafu kemm mill-impjiegi huma finanzjati mill-istess ħidma li jiġġeneraw, u kemm minn sussidji publiċi. Dan għax qatt ma tista’ tinsa li kull ekonomija tgħaddi minn żmien ta’ espansjoni u minn żmien ta’ dwejjaq meta kmieni jew tard, l-ispiża publika trid tiġi mrażżna. 

    F’sitwazzjoni ta’ reċessjoni, fost l-ewwel u l-aktar li taqlagħha, hi l-ispiża fuq arti u kultura. Hekk ġara fil-pajjiżi Ewropej wara l-kraxx finanzjarju tal-2008/9. Ħafna artisti u attivisti kulturali spiċċaw qgħeda, u mgħaddba għax ħassewhom ittraduti.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook