FAMILJI “MĦALLTA”

  • Aww 17, 2017 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    FAMILJI “MĦALLTA”

    Fl-Ewropa, in-numru ta’ familji “mħallta” – fejn l-omm u l-missier issibhom ta’ nazzjonalità jew oriġini nazzjonali differenti – hu kbir. Hemm min isostni li familji hekk qed jiżdiedu. Hi konsegwenza naturali tal-ħelsien fost iċ-ċittadini tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea biex jgħixu u jaħdmu f’pajjiżi Ewropej oħra. Li ħaġa bħal din hi fattur importanti tinduna biha minnufih jekk tqatta’ xi żmien fi Brussell.

    Biss ma tistax tawarrab fatturi oħra. Fis-snin ħamsin, sittin u anke sebgħin tas-seklu l-ieħor, lejn l-Ewropa tal-punent seħħet migrazzjoni ta’ ħaddiema mill-Portugall, Spanja, l-Italja, l-Greċja, il-pajjiżi tal-Maghreb, kif ukoll mit-Turkija. Komunitajiet kbar minn dawk il-pajjiżi daħħlu taħlit “naturali” mal-familji tal-pajjiżi li laqgħuhom.

    Imbagħad fl-aħħar deċennji kien hemm l-isplużjoni tat-turiżmu. Għexieren tal-miljuni kull xahar jivvjaġġaw minn pajjiż għall-ieħor.

    Għad irrid insib xi studju jew rapport li jagħti ħarsa tajba, “sintetika”, lejn dan il-fenomenu, li qed iżid b’mod interessanti fid-diversità Ewropea.

    “LOW COST”

    Nissuspetta li l-linji tal-ajru “low cost” resqin lejn il-quċċata tal-iżvilupp tagħhom, jekk ma qabżuhiex diġà. Tant kibru li qed jiddakkru mill-vizzji ta’ kull min ma jistax ilaħħaq aktar mal-mudell li tellaq ta’ kif jixtieq jagħmel in-negozju. Dan se jagħmilhom vulnerabbli għal kompetituri b’viżjoni ta’ ħidma differenti minn tagħhom.

    L-għajta li magħhom tivvjaġġa “bl-irħis” saret f’numru sostanzjali ta’ każi falza. Bl-irħis jekk tinzerta tibbukkja meta jkunu f’ċerta fażi tal-proċess li bih qed jimlew ajruplan bil-passiġġieri, u skont id-destinazzjoni. Barra minn hekk biex tgħaxxaqha, abbord ibigħulek bi prezzijiet esaġerati prodotti ta’ kwalità mill-aktar baxxa.

    L-għajta li jżommu l-ħin saret ukoll dejjem aktar falza... meta wkoll ma jipprovaw ibellgħulek ir-ross bil-labra billi jgħidulek li vjaġġ li jieħu siegħa, itul sa siegħa u tliet kwarti, biex anki jekk jiddewmu, jistgħu jgħidu li żammew il-ħin. Dan barra milli t-trattament tal-passiġġieri abbord u fl-ajruport sar iħabbatha fl-arroganza ma’ dak tal-“eqdem” linji tal-ajru.

    F’NOFS AWWISSU

    Ħlief fil-fabriki, ma daħlitx f’Malta d-drawwa ġenerali li n-negozji żgħar u kbar jieħdu btala ta’ ġimgħa jew tnejn għall-ħabta ta’ nofs Awwissu. Forsi destinazzjoni turistika bħal tagħna ma tantx tista’ tippermetti lilha nnifisha dan il-lussu – għalkemm bliet turistiċi bħal Ruma u Pariġi ma jaħsbuhiex hekk. 

    Min-naħa l-oħra, bħal fis-sud tal-Ewropa, għadha mifruxa sew id-drawwa li l-ħwienet żgħar u kbar jagħlqu għal waranofsinhar, għadilli dil-ħaġa bdiet tinbidel, l-aktar minħabba l-influwenza tas-supermarkets il-kbar. Xorta fi żmien bħal dan, ma tistax ma tammirax l-istamina u r-rieda għax-xogħol ta’ ħwienet żgħar “tal-familja”, li jibqgħu jiftħu għal sebagħt ijiem fil-ġimgħa, ħlief għall-Ħadd filgħaxija.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0