ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR

  • Aww 21, 2017 08:35
  • Miktub minn Alfred Sant

    ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR

    Hi ħrafa li l-konsumatur Malti għandu protezzjoni serja. F’ħafna każi, jinsab għal kollox mingħajrha. Dan jiġri in parti għax għadd mhux ċkejken tal-poplu-konsumatur mhuwiex konxju ta’ xinhuma u x’għandhom ikunu d-drittijiet tiegħu; in parti għax il-mekkaniżmi li jeżistu biex jiddefenduh baqgħu burokratiċi għall-aħħar, faċli jittawlu u jpoġġu fuq il-konsumatur il-biċċa l-kbira tad-dwejjaq li bilfors jitqanqlu meta persuna tfittex li tingħata sodisfazzjon dwar drittijietha.

    Fil-qasam privat, dan-nuqqas serju tas-soċjetà tagħna jinħass fl-oqsma tal-bini (minkejja l-ħafna ħsejjes mielsa li saru joħorġu minn das-settur); tal-ikel u d-divertiment; ta’ ċerti servizzi professjonali u oħrajn bħal tat-tiswija ta’ karozzi u apparati domestiċi.

    Ma jagħmlulhomx għajb, oqsma mis-settur publiku – bħal fil-qrati; bħal fil-ARMS, li jabbuża mill-monopolju li għandu biex l-ineffiċjenzi fit-tmexxija tiegħu jgħabbihom fuq il-konsumatur; bħal f’ċerti servizzi provduti mill-kunsilli lokali.

    Kienu jgħidu li bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea l-istorja se tinbidel mil-lejl għan-nhar. Dan id-diskors m’għadux jingħad.

    BARRA L-LIBJA

    Ma jistgħux jitwaddbu taħt it-tapit jew jiġu redikolati l-argumenti kontra l-operat tal-għaqdiet mhux governattivi li qed jippożizzjonaw rwieħhom biex isalvaw mill-għarqa lill-immigranti “irregolari” ħerġin mil-Libja.

    Kif jista’ wieħed jiddubita li dan għandu mnejn qed iservi biex jinkoraġġixxi t-traffikanti tal-bnedmin ħalli jwessgħu l-ħidma tagħhom? Kif jista’ jiġi żgurat li mhux qed ikun hemm kompjaċenza... biex ma ngħidx kollaborazzjoni moħbija... bejn uħud preżenti fi ħdan l-għaqdiet mhux governattivi u “ħbieb” tat-traffikanti?

    Veru li fl-Italja – wara kollox l-aktar pajjiż li ntlaqat mill-immigrazzjoni tielgħa mil-Libja – saru akkużi esaġerati kontra l-għaqdiet “ta’ salvataġġ” mhux governattivi. Imma wkoll ħafna mill-oġġezzjonijiet li tqanqlu kienu validi. Għalihom trid tinstab tweġiba serja, soda u umana.

    MONUMENTI

    Fl-Istati Uniti, wara l-inċidenti ta’ Charlottesville, qam moviment qawwi biex jitneħħew it-traċċi li baqa’ fil-pajjiż tal-Confederacy li tilfet il-gwerra ċivili Amerikana aktar minn seklu u nofs ilu, permezz tal-monumenti u tfakkiriet oħra. Ma naqbilx li bilfors din hi idea tajba.

    L-istati membri tal-Confederacy kienu favur l-iskjavitu. Dil-ħaġa bil-kriterji tal-lum ma jistħoqqilhiex ħlief kundanna totali. Imma n-nies li ġġieldu mal-Confederacy kellhom l-apprezzament ġenwin għalihom, tal-ħajja kif kellha tingħex. Li trendi l-memorja tagħhom miżbla – bħal ma ġustament isir man-Nażi – ma tantx narah jagħmel sens. 

    Forsi jkun aħjar jekk ma’ kull monument li jikkommemora l-Confederacy, jitpoġġa memorjal, żgħir jew kbir, li jpoġġih fil-kuntest tiegħu u jasserixxi bl-akbar qawwa il-le għall-iskjavitu u l-iva għall-ugwaljanza totali bejn ir-razez.

    Id-dnub hu li bi kliemu, l-President Trump bħas-soltu ħarbat kull ġudizzju razzjonali dwar episodju traġiku fl-istorja Amerikana.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook