Tniġġis tal-istorbju

  • Aww 24, 2017 09:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    It-tniġġis tal-ambjent f’pajjiżna sirna nqisuh naturali. Il-ħmieġ fit-toroq, iż-żibel f’li baqa’ mill-kampanja, l-intejjen tad-diesel fit-toroq, it-torbien tal-bini u t-tħaffir għaddej kull fejn timxi jew issuq... drajna naċċettawhom, għalkemm ingergru.

    Imma daħal sew  ukoll, ta’ spiss bil-qawwi, tniġġis ta’ natura differenti: tal-istorbju. Mhux possibbli li l-muturi li jħaffru fil-qiegħ tat-toroq jinżammu jaħdmu fil-kwiet. Mhux possibbli li jitrażżnu l-ħsejjes li jagħmlu mis-sema murtali u logħob ieħor tan-nar fil-festi. Jew il-mużika ta’ klabbijiet miftuħa tard billejl. Mhux possibbli li ċerti karozzi jinżammu milli jsuqu bl-amment fit-toroq bil-pajp tal-exhaust imtaqqab. Mhux possibbli li f’kafeterija popolari, it-tindif tal-kikkri li ntużaw jsir mingħajr twerdin qawwi li jkisser l-udit ta’ klijenti li għadhom jordnaw.

    Se jkun hemm min jgħid li mhux possibbli tevita l-istorbju fi gżira ċkejkna mgħobbija b’aktar nies milli tiflaħ. B’dan l-argument, il-ġlieda kontra kull xorta ta’ tniġġis hi mitlufa.

    ***

    FIL-VIĊIN

    Mhux bogħod minn fejn noqgħod, għaddej proġett: qed jitħaffer gandott mal-ġenb tat-triq u taħt il-bankina li forsi twil għal nofs minuta ta’ mixi. Il-proġett telaq xi tliet xhur ilu u għadu nofs leħja. Involuti fih hemm tliet inġenji kbar u reċipjent kbir għall-iskart. Matul il-perijodi twal meta ma jkunux qed jintużaw, dawn l-inġenji jibqgħu pparkjati fit-triq u jieħdu ħafna mill-ispazju għall-karozzi privati tar-residenti, li żdiedu sew fl-aħħar snin. Sintendi l-ispazju għall-ipparkjar hu mikul ukoll mil-ħofor miftuħa tal-gandotti.

    Darbtejn/tlieta fil-ġimgħa waranofsinhar, fl-eqqel tax-xemx, jitfaċċaw tnejn/tlieta ħaddiema immigranti, iċaqalqu l-inġenji u jħaffru ftit ieħor. Iż-żona kollha qed timtela trab u żrar. Diffiċli tgħid kemm se jdum għaddej dal-proġett li diffiċli tqabblu mal-flyover tal-Kappara.

    L-ewwel settur li ġie privatizzat f’pajjiżna kien dak tax-xogħlijiet publiċi. Kienu qalulna li l-effiċjenza se tfur.

    ***

    JIŻFNU MNEŻŻGĦA

    Għandhom raġun l-għaqdiet tan-nisa jipprotestaw kontra r-regolarizzar tal-klabbijiet tal-“ġentlomi”. Se jkun mod ieħor kif nagħlqu għajnejna għall-istrumentalizzar u l-esplojtazzjoni tal-mara.

    Jidhirli li jagħmel sens l-argument li kwalunkwe bidla fir-regolamenti trid issir fil-qafas ta’ politika ġenerali imkejla biex tħares lis-soċjetà minn kull esplojtazzjoni sesswali; imma mhux biss. Dan kollu jorbot ma’ x’tip ta’ soċjetà irridu li jkollna: waħda fejn is-suq biss isuq u fejn nagħlqu għajnejna għall-abbuż sakemm in-nies qed “tinqeda”? jew waħda li tagħmel mill-aħjar biex twettaq il-valuri li dejjem jinsabu fuq fommna, imma rari fil-fatti li nwettqu?

    Min-naħa l-oħra, it-tħejjija u t-twettiq ta’ politika ġenerali f’dal-qasam (u f’oħrajn) m’għandhiex isservi biex nintilfu fi studji u konsultazzjonijiet, jgħaddi ż-żmien, ma jsir xejn, waqt li t-taħwid fis-settur jibqa’ jitħawwad aktar.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0