Irridu kollox

  • Set 04, 2017 08:08
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Sewwa nagħmlu aħna l-Maltin li rridu kollox u ma rridu xejn. Irridu x-xogħol, sakemm jagħmlu ħaddieħor. Irridu l-komfort fil-ħajja, sakemm jiġi bil-komfort. Jekk hemm bżonn id-dixxiplina, aħna favur tagħha mija fil-mija sakemm tapplika għal ħaddieħor. Irridu l-kura ta’ għajrna u tagħna – sakemm ma jkollniex għalfejn nagħmlu wisq “sagrifiċċji”.

    Aħna biss hekk, jew kulħadd bħalna? Irridu dak li jaqbel lil kulħadd sakemm jaqbel biss lilna? Il-mistoqsija tfakkrek f’li kienet tistqarr Mrs Thatcher, il-Prim Ministru Ingliża konservattiva li l-operat politiku tagħha għadu jimmarka ħajjitna sal-lum. Is-soċjetà ma teżistix, stqarret; jeżistu l-individwi li jridu jgawdu d-dritt għall-ħajja t-tajba.

    Jekk dan minnu, qegħdin tajjeb sakemm kulħadd ifendi għal rasu. U l-istat irid jiggarantixxi li hekk qed jiġri.

    Il-problema tqum jekk imbagħad ikun hemm nies li jridu kollox u jingħaqdu biex jitħabtu flimkien ħalli dan jiġri żgur, għalihom qabel kulħadd.

    ***

    VJOLENZA DOMESTIKA

    Il-każi li ħarġu fil-beraħ dan l-aħħar ta’ vjolenza domestika kienu tal-waħx fid-dettall tagħhom. Hi ħaġa ċara li dil-pjaga soċjali għandha għeruq fondi f’pajjiżna u mhix se tiġi kontrollata kif ġieb u laħaq.

    Progress qed isir. Il-vittmi m’għadhomx iħossu daqs qabel li jekk jirraportaw se jiswielhom agħar. Is-servizzi ta’ ħarsien qed jitjiebu u nittamaw li jibqgħu f’din it-triq.

    Qed tiżdied il-vjolenza domestika, jew minħabba l-kuxjenza li qed titqajjem dwarha, aktar u aktar każi qed isiru magħrufa? Jekk tal-ewwel, se jkun importanti li nkunu nafu xinhuma r-raġunijiet għal diż-żieda u forsi wkoll, nistħarrġu jekk humiex marbuta mal-firxa ta’ esplojtazzjoni soċjali li teżisti f’pajjiżna.

    ***

    IR-RELIĠJON

    Kelli naqbel ma’ osservazzjoni li saritili: il-fatt li t-twemmin reliġjuż u s-sehem fil-prattika tar-reliġjon iddgħajfu sew fostna, qed iwassal biex il-koeżjoni fost il-poplu Malti ddgħajfet ukoll. Din il-koeżjoni ġġib magħha sentiment ta’ solidarjetà u rispett lejn ħaddieħor, waqt li tippromwovi prudenza u dixxiplina fl-imġiba, kif ukoll sens ċiviku aqwa.

    Ma qbiltx imma mal-konklużjoni li biex insaħħu l-koeżjoni li qed tintilef, u li hi meħtieġa, għandna bilfors insaħħu l-preżenza tar-reliġjon fil-pajjiż.

    Ma qbiltx l-ewwel nett għax ir-reliġjon għandha tibqa’ primarjament rabta u impenn personali ta’ kull individwu.

    U ma qbiltx ukoll għax bħala mekkaniżmu ta’ għaqda fil-komunità, l-prattika reliġjuża tinforza u timponi l-modi ta’ kif l-imġiba għandha tinbidel biex tinġab “aċċettabbli”.

    Koeżjoni imposta ma fiha l-ebda attrazzjoni. Tirrestrinġi l-libertà tal-individwu u toħloq inġustizzji personali u soċjali. Id-dilemma hi kif se tippromwovi l-koeżjoni fost iċ-ċittadini waqt li jibqgħu jgħixu f’libertà sħiħa. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0