Ħaddiema minn barra

  • Set 07, 2017 08:05
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Intqal dan l-aħħar li fis-snin li ġejjin, l-ekonomija Maltija trid tkun lesta tilqa’ eluf ta’ ħaddiema minn barra ħalli tlaħħaq mal-prospetti ta’ tkabbir ekonomiku li jinsabu quddiemha. Ġejna assigurati li dan ftit jista’ joħloq taqlib soċjali għax dil-ħaġa ġrat fl-aħħar snin u ħlief għal żieda fil-prezz tal-kirjiet, ftit tqanqlu problemi finanzjarji jew soċjali. Fuq kollox, il-ħaddiema li importajna, wara ftit taż-żmien fostna, telqu ’l barra. Ħallsu t-taxxi tagħna u ma baqgħux hawn biex jibbenefikaw minn xi pensjoni.

    Għadni dubjuż dwar dan ix-xenarju. Allura pajjiżna se jispiċċa qisu wieħed tal-Golf Għarbi, jiddependi fuq riżorsi umani transitorji biex isostni rankatura ekonomika li ma jafx fejn se twassal?

    L-istatistika turi li hemm oqsma fl-ekonomija tagħna fejn qed noperaw bi produttività baxxa għal baxxa ħafna. F’oħrajn jew anke fl-istess setturi, hemm wisq impjegati biex iwettqu ftit xogħol.

    Forsi l-priorità għandha tkun politika tat-tul li tfittex biex iżżid il-produttività f’oqsma fejn din hi baxxa u biex iseħħ ċaqliq ta’ impjegati minn setturi fejn hemm nuqqas ta’ xogħol għal oqsma fejn hemm nuqqas ta’ ħaddiema?

    ***

    ĊIKLISTI

    Il-ħtieġa għal aktar attenzjoni minn sewwieqa għall-ħarsien taċ-ċiklisti fit-toroq tagħna trid tiġi emfasiżżata aktar. Ukoll, il-modi kif it-toroq u r-regoli tas-sewqan huma organizzati f’pajjiżna jeħtieġ li jiġu mtejba ħalli jagħtu aktar protezzjoni u faċilità liċ-ċiklisti.

    Min-naħa tagħhom madankollu, dawk li joħorġu jsuqu fuq bicycle jeħtieġ juru huma wkoll sens komun u prudenza. Ħafna jagħmlu hekk. Imma mhux kulħadd.

    Eżempji li rajt dan l-aħħar: ċiklista għaddej minn triq dejqa fejn hemm traffiku sew kontra d-direzzjoni unika indikata; ċiklist f’ħin meta l-għabex qed isir dlam, jaqsam salib it-toroq traffikuż bla dawl ta’ xejn; ċiklist li jiġi jitmellaħ mid-dawl aħmar biex isuq minn bejn nies li qed jaqsmu minn fuq il-linji żebra. 

    ***

    X’KEJL?

    Sar ħafna diskors dan l-aħħar dwar bint ministru li nħatret f’kariga ġudizjarja minuri. Mhux sew, qalulna; dan jista’ jkun biss eżempju ieħor ta’ nepotiżmu sfaċċat.

    Jien nistaqsi lili nnifsi: kif l-istess kejl ma ntużax taħt gvern Nazzjonalista? Pereżempju, meta avukat ġie maħtur Imħallef meta ħuh kien ministru ewlieni tal-kabinett? Kif ma ntużax meta l-istess avukat, issa Imħallef, inħatar Prim Imħallef sentejn wara? Jew meta ftit tas-snin wara terġa’, inħatar Imħallef fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja? – u dejjem, matul daż-żmien kollu, ħuh kien f’karigi politiċi ewlenin?

    Din mhix riflessjoni fuq l-integrità jew il-ħila taż-żewġ aħwa konċernati. Hi riflessjoni fuq id-diskors ta’ dan l-aħħar minn Fariżej kontemporanji.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0