L-ELEZZJONI NAZZJONALISTA

  • Set 18, 2017 10:41
  • Miktub minn Alfred Sant

    L-ELEZZJONI NAZZJONALISTA

    Il-proċess elettorali li bih il-PN għażel il-mexxej tiegħu mhuwiex ta’ interess sempliċement għax l-għażla spiċċat kif spiċċat. Il-mistoqsija hi jekk il-metodu segwit kienx effettiv.

    L-intenzjoni kienet li l-għażla tinfirex lejn l-usa’ saff ta’ nies b’impenn fil-partit: il-membri. Dan skont il-mudell Amerikan. Il-metodu l-ewwel ħalla lid-delegati tal-konferenza ġenerali jagħżlu żewġ kontestanti, u wara l-membri jagħżlu bejn it-tnejn.

    Fi Franza iż-żewġ partiti l-kbar (sal-aħħar elezzjonijiet għax warajha, m’għadhomx) kienu tellqu mill-bidu nett l-għażla tal-kontendenti għall-presidenza u l-mexxej de facto tagħhom, prattikament fost il-poplu kollu. Basta min imur jivvota, iħallas mingħalija 10 ewro. 

    Aktar milli biex isaħħu d-demokrazija, is-suspett jibqa’ li l-partiti jidħlu għal dat-tip ta’ proċess għax jagħrfu li l-istrutturi interni tagħhom saru dgħajfa u remoti wisq. M’għadhomx jirriflettu l-ħsus tas-soċjetà. Effettivament il-proċessi tal-primarji qed jippromwovu kandidati minn barra l-istrutturi tal-partiti.

    Fil-każ tal-PN, osservatur minn barra jista’ jikkonkludi wkoll li l-proċess ittawwal wisq, bla bżonn u b’dannu għall-istess partit.

    IL-ĦOLMA TA’ JUNCKER

    Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker ibati mill-verżjoni politika tad-diżordni msejħa “bi-polar”? 

     Ftit (sena) ilu, fil-Parlament Ewropew ta rendikont dwar il-qagħda tal-Unjoni Ewropea mimli biżgħat dwar il-futur tagħha; qatt ma raha daqstant mifruda u mħarbta, sostna. 

     Il-ġimgħa li għaddiet, fl-istess okkażjoni ta’ dis-sena, bil-maqlub: it-temp hu mill-isbaħ, l-Unjoni qed taffaċċja realtajiet sbieħ u għandha tieħu l-okkażjoni biex malajr malajr issaħħaħ u twessa l-poteri u l-funzjonijiet tagħha.

    Kemm il-pessimiżmu u kemm l-ottimiżmu huma esaġerati. Juncker riesaq lejn tmiem il-ħatra tiegħu u jrid jispiċċaha fuq nota tajba. Hi l-aħħar opportunità għalih biex jimbotta ’l quddiem l-għanijiet federalisti li dejjem kienu tiegħu.

    Laqatni l-aktar il-kuntrast bejn ir-rieda li pproklama biex l-Unjoni Ewropea tidher bħala qrib il-popli u demokratika; u l-proposti tiegħu biex jissaħħu l-istrutturi federali baxx baxx, billi jintużaw klawsoli fit-trattati li jippermettu bdil fir-regoli ta’ tmexxija bi qbil intern.

    SKEJJEL

    Iż-żmien meta l-iskejjel jiġu biex jiftħu hu wieħed ta’ ksir ir-ras għal amministraturi, għalliema, ġenituri u tfal. Diffiċli tgħid għal min l-aktar. 

    Kelli ċans nosserva dan l-aħħar kif tmexxa dal-ftuħ fi Franza u fil-Belġju. Aktar ma jgħaddu s-snin, aktar jikkargaw it-tħejjijiet minn qabel, hekk li l-eżerċizzju kollu donnu jitqies mill-istess perspettiva bħal xi wieħed militari. Trasport lejn l-iskejjel, klassijiet u faċilitajiet nodfa, għalliema f’posthom, tfal inkwadrati tajjeb, kurrikula ngranati... rapporti fil-bullettini tal-aħbarijiet sa filgħaxija... u l-magna bdiet iddur.

    Jekk iqumu l-problemi, jibdew jidwu stejjer kbar imbarazzanti. Jekk kollox qed idur ftit jew wisq kif suppost, il-biċċa tintesa minnufih.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook