Inizjattiva tajba

  • Ott 05, 2017 09:46
  • Miktub minn Alfred Sant

    Kienet inizjattiva tajba ħafna dik li ħa l-gvern li jdaħħal proċess ta’ skrutinju parlamentari fuq ħatriet eżekuttivi li jsiru f’karigi għolja, kemm fiċ-ċivil “tradizzjonali” kemm fil-korpi amministrattivi u regulatorji li faqqsu bil-kbir fl-aħħar deċennji. 

    Ma nara xejn ta’ barraminnhaw filli l-gvern ikollu l-maġġoranza ta’ deputati membri tal-kumitat ta’ skrutinju. Ma nafx kif jista’ jkun mod ieħor f’demokrazija parlamentari, sakemm il-laqgħat tal-kumitati konċernati jkunu publiċi. U sakemm ma jiġrix bħala ma ġara fil-kumitat tal-kontijiet publiċi, li l-membri tan-naħa tal-gvern ikunu ministri. Jekk jiġri hekk, kif jistgħu dawn jgħarblu d-deċiżjonijiet ta’ xi sieħeb tagħhom fil-kabinett?

    Żewġ affarijiet se jkunu neċessarji biex din l-inizjattiva utli tirnexxi. Irid ikun hemm xi forma ta’ protokoll li jiddefinixxi l-kriterji li fuqhom għandu jitmexxa l-iskrutinju; li għandu jinkudi kwistjonijiet relattivi għall-karriera personali u professjonali ta’ min qed jiġi mifli, kif ukoll dwar it-twemmin ideoloġiku tiegħu.

    Ukoll, għandu jkun hemm mill-bidu nett, lista sħiħa tal-karigi publiċi li se jkunu soġġetti għall-proċess ta’ skrutinju.

    ***

    L-SPD

    Il-partit soċjali demokratiku Ġermaniż għaddej mill-aktar fażi iebsa tal-istorja tiegħu minn żmien l-aħħar gwerra dinjija. Tilef matul is-snin, qrib in-nofs tas-segwaċi tiegħu. Qatt ma kien daqshekk demoralizzat. Jagħmel x’jagħmel, baqa’ jitlef il-voti.

    Matul l-aħħar koalizzjoni mas-CDU-CSU, ħafna mir-riformi soċjali li ddaħħlu fil-pajjiż oriġinaw mill-SPD. Ħadet il-krettu Merkel, għalkemm opponiethom. Ħalliha li mbagħad, fl-episodju tar-refuġjati reġgħet tilfet ħafna minnu.

    Jiddispjaċini għall-SPD. Nawguralu li malajr jerġa’ jirranka. Dejjem kien ħabib ġenwin tal-Partit Laburista Malti, anke meta ma qabilx mal-għażliet tiegħu.

    Għadni ngħożż it-tifkira taż-żjara li fl-1985, Leo Brincat u jien għamilna fil-kwartier ġeenrali tal-SPD f’Bonn. Hemm kellna laqgħa simpatika ħafna ma’ Willy Brandt.

    ***

    BLA ELEZZJONI

    Ma nafx kemm hi idea tajba li l-ħatra tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali sar bi qbil bejn il-partiti. Iċ-ċaħda ta’ elezzjoni demokratika li hi stabbilità b’liġi għandha dejjem titqies bl-akbar riżerva. 

    Jekk dan sar biex titnaqqas il-pika partiġġjana bejn il-partiti fil-livell tal-kunsilli lokali, naqbel mal-għan, imma issa l-froġa saret – il-partiti jinsabu ġol-kunsilli – u din bħala raġuni biex tbiegħed l-għażla b’vot ħieles ma treġix.

    Jekk l-elezzjoni ġiet evitata biex ma jiġrix bħal fil-każ tal-KSU fl-Università, fejn naħa waħda tispiċċa ġġorr kollox hi, nara dan bħal għan siewi. Imma messu jintlaħaq b’mod differenti. 

    Meta n-nies tara li hemm wisq antagoniżmu fieragħ bejn il-partiti xejn ma tieħu gost. Meta tara li l-partiti bdew jindehsu wisq flimkien, tibda tissuspetta li qed isiru ftehimiet okkulti biex jagħtu wens u vantaġġ lil klikek magħżula.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook