L-Air Malta

  • Ott 06, 2017 20:25
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

     

    L-Air Malta

    Kull tibdil iġib miegħu anzjeta’.  Sakemm l-affarijiet ikunu sejrin tajjeb l-inċertezza li tinħoloq ma tkunx qawwija.  Iżda meta l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb li t-tensjoni tikber.  Din hi sitwazzjoni li kien hemm fl-Air Malta.  Biss issa jidher li hemm tama.

    Hemm żewġ affarijiet li rridu nifhmu.  L-ewwel li meta l-ambjent jinbidel, irridu nibdlu mhux biss l-attitudni iżda wkoll l-imġieba tagħna.  Fuq il-post tax-xogħol, din trid tkun akkumpanjata bi prattiċi ġodda.  It-tieni hu li meta tkun sitwazzjoni gravi, it-tgergir u l-attitudni negattiva jkissru kull possibilta’ ta’ titjib li ma ssolvi xejn u s-sitwazzjoni tkompli titgħarraq.

    Il-ħaddiema Maltin iridu jifhmu li l-ambjent dinjinbidel.  Inbidlet ukoll is-sitwazzjoni ta’ Malta.  Dak li semmejt għat-trasport pubbliku jgħodd ħafna aktar għall-Air Malta.  Ir-raġuni hi li llum, lanqas jekk irid il-Gvern ma jista’ jkompli jgħin għaliex l-UE ma tħallihx.  L-UE filwaqt li tħares lejn it-trasport pubbliku bħala essenzjali,  lejn il-linji tal-ajru tħares differenti.  Ir-raġuni hi li llum barra l-linji tal-ajru ‘nazzjonali’ għandek linji oħra li jistgħu jagħtu l-istess servizz.  Ma rridux immorru snin ‘il bogħod ħafna, Ċipru kellu l-istess sitwazzjoni.  L-affarijiet ma rranġawx u c-Cyprus Airways kellha tagħlaq sentejn ilu b’deċiżjoni tal-UE.  Semmejt lil Ċipru għaliex Ċipru hu gżira bħalna u l-konnessjonijiet tal-ajru huma essenzjali.  Din ma kinitx xi ħaġa li l-Gvern Ċiprijott ried jagħmel, iżda ġie sfurżat jagħmilha mill-UE.

    Malta mhix eċċezzjoni u tkun disgrazzja jekk l-Air Malta jkollha tagħlaq.    

    Barra minhekk, illum hemm fattur ieħor li għaddiet minnu wkoll it-tarzna.  Meta beda jberraq fuq it-tarzna, kien hemm simpatija kbira biex insalvawha.  Biss aktar ma għadda ż-żmien il-ħaddiema aktar tilfu s-simpatija tan-nies.  Meta għalqet, ftit kienu dawk li ħarġu għonqhom biex jaraw kif isalvawha.  U bil-mod il-mod, l-Air Malta u l-ħaddiema tagħha qed jitilfu s-simpatija tan-nies.

    Hemm min qed isemmi li mhux sew li l-ħaddiema għandhom iħallsu tal-iżbalji ta’ ħaddieħor.  Veru, biss billi noqogħdu nwaħħlu f’xulxin, m’aħna ser naslu mkien.  Irridu niftakru li s’issa kienu l-konsumaturi li kellhom iħallsu fil-każ tal-Air Malta.  Irridu niftakru li minħabba dawn is-simpatiji l-konsumaturi li jużaw l-Air Malta qed iħallsu prezzijiet għolja.  Dan barra li fejn qabel kellek meal, illum kull ma għandek hu bezzun u flixkun ilma.  

    Jekk xi ħadd jaħseb li n-nies dawn l-affarijiet ma jikkunsidrawhomx, żgur li m’għandux kuntatt magħhom.  Illum il-kompetizzjoni hi qawwija u għalhekk irridu nieħdu azzjoni qawwija.  

    Jidher li hemm żewġ gruppi li mhux lesti li jaċċettaw tibdil qares iżda meħtieġ.  Dawn huma l-piloti u  l-cabin crew.  Personalment inħoss li l-piloti tal-Air Malta huma tajbin ħafna.  Ma tridx tkun għaref biex tagħraf dan.  Dan jidher meta jkun qed jiġi llandjat l-ajruplan.  Filwaqt li meta tuża linji tal-ajru oħra fil-landing trid tlesti ruħek għal skoss, fl-Air Malta bilkemm tittendi.  Biss illum in-nies jistaqsu,  kemm jien lest li nħallas aktar biex ikolli landing tajjeb.  Ma naħsibx li hemm ħafna li lesti li jħallsu €50 - €100 aktar għal dan.  

    Il-grupp tal-cabin crew hu aktar f’sitwazzjoni prekarja għaliex, meta naqset il-meal, ix-xogħol naqas drastikament.  Kulħadd għandu għajnejh f’wiċċu u kulħadd jaf li llum fuq titjiriet daqsxejn twal, dawn għandhom ħin twil ma jagħmlu xejn.  Fil-fatt għalija hi deċiżjoni ħażina li l-management ma naqqasx il-complement ta’ dawn mal-ewwel.  

    Semmejt il-kompetizzjoni.  Fejn qabel l-Air Malta kienet l-aktar linja li ġġorr passiġġieri lejn u lil hinn minn Malta, illum hi Ryanair.  Dan juri li llum in-nies mhux lejn is-simpatiji jħarsu, iżda jimxu fejn jaqbillhom.  

    L-aħħar żviluppi

    Tħabbru erba’ żviluppi importanti għall-Air Malta.  L-ewwel kienet li ċerti ħaddiema li jaħdmu fuq l-art issa qed jiffurmaw kumpanija oħra.  Bħala kumpanija separata dawn ikunu jistgħu jispeċjalizzaw partikularment għaliex diġa’ għandhom esperjenza f’dan is-suq.  Min-naħa l-oħra, l-Air Malta tkun tista’ tiffoka fuq is-suq tagħha.

    Bħala kumanija tal-ajru, dan l-aħħar it-tmexxija tal-Air Malta ħabbret ċerta żviluppi.  Biss l-aktar ħaġa li laqtitni u li nemmen li tista’ tagħti kuraġġ u spinta biex it-tibdil li hemm meħtieġ isir hi l-bidla fl-attitudni tal-kumpanija.  Filwaqt li qabel l-istrateġija kienet li naraw kif innaqqsu l-ispejjeż, illum l-emfasi hu biex inkabbru.  Ma jfissirx li ma nkomplux naraw kif innaqqsu l-ispejjeż iżda l-emfażi hu fuq it-tkabbir.

    Tlett affarijiet li ħarġu minn din l-istrateġija huma li l-postijiet fejn ser tibda topera l-Air Malta ser jiżdiedu minflok jonqsu.  Hekk niftħu swieq ġodda sew għall-kumpanija u sew għall-industrija tat-turiżmu f’Malta.  B’hekk igawdu mhux biss il-ħaddiema tal-Air Malta iżda l-ekonomija u l-ħaddiema kollha.  

    Żvilupp importanti kien iż-żieda fit-tip ta’ biljetti li qed toffri.  L-Air Malta diġa’ kienet bdiet toffri biljetti irħas biss dan kien isir għal perjodi qosra ta’ żmien.  Issa li ġie żviluppat dan it-tip ta’ biljett li bih tista’ tivvjaġġa b’anqas minn €40, l-Air Malta tkun tista’ tikkompeti mal-low cost airlines.  Hemm sezzjoni ta’ nies li dan it-tip ta’ biljett hu ideali għaliex jekk int tkun ser tivvjaġġa għal ġurnata ma jkollokx bżonn iġġorr ħafna affarijiet u għalhekk bagalja żgħira hi biżżejjed.

    Biss l-aktar ħaġa li laqtitni li hemm proposta biex il-pagi jiżdiedu.  S’intendi dan irid ikun akkumpanjat b’tibdil fil-prattiċi tax-xogħol għaliex inkella ma jagħmilx sens.  Biss din iż-żieda li nħoss li hi waħda sostanzjali turi wkoll li l-kumpanija għandha sew fiduċja fiha nfusha u sew fil-ħaddiema tagħha.  

    L-aħħar żviluppi li kien hemm internazzjonalment ukoll jagħmlu l-kuraġġ.  Dan l-aħħar kellna r-rebus li kellhom ir-Ryanair.  Rebus li ma nafux meta ser jispiċċa u lil min ser jolqot.  Kien hemm wkoll il-falliment tal-Monarch Airlines li ħalliet l-art eluf ta’ passiġġieri.  F’tebqa t’għajn, jekk l-Air Malta tkompli fuq dak li ġie ipproponut tkun qiegħda f’vantaġġ kbir minħabba l-istabilita’ li għandha u fuq kollox ir-reputazzjoni.  Dan għandu jagħmel kuraġġ lil kulħadd biex niġbdu ħabel wieħed u nġibu din il-kumpanija fuq saqajha b’opportunitajiet li tikber u mhux tagħlaq il-bibien tagħha.  

    NOTA:  Dan il-kaos li ħolqu sew ir-Ryanair u sew il-Monarch Airlines juru l-importanza ta’ insurance tas-safar li tista’ serraħ moħħok.  F’dan iż-żmien l-insurance saret essenzjali.  Biss oqogħdu attenti (ara camalta.org.mt).

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook