Spazju fiskali

  • Ott 12, 2017 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    L-aqwa analiżi li tista’ ssir tal-baġit għas-sena 2018 trid tiffoka fuq kif se jintuża l-ispazju fiskali li għandu bħalissa l-gvern biex jorjenta l-iżviluppi tal-futur.

    Ilu ħafna ma gvern Malti kellu dan l-ispazju, fejn id-dħul baqa’ jirranka anke waqt li n-nefqa ma żammitx lura. Għal deċennji, l-mistoqsija kienet baqgħet kif se jiġu bilanċjati l-kotba mingħajr ma d-dejn nazzjonali jiżdied b’mod eċċessiv. Il-pressjoni nħasset dejjem aktar kemm iż-żona ewro ilha tħaddem dixxiplina stretta fuq il-baġits tal-pajjiżi membri tagħha.

    Mil-linji ta’ spiża li ġew proposti, wieħed jista’ jara fil-prattika jekk l-ispazju fiskali tal-lum hux qed jintuża: biex titkabbar l-ispiża kurrenti fuq proġetti amministrattivi, soċjali jew kulturali eżistenti jew ġodda; biex jiżdied l-investiment publiku fuq l-infrastruttura eżistenti jew ġdida; biex tiżdied il-produttività tal-gvern kollu kemm hu. 

    Hemm użu ieħor tal-ispazju fiskali li ma għadux moda. Kien daħal għalih il-gvern Laburista tas-snin sebgħin/tmenin tas-seklu l-ieħor li kellu (jew ħaseb li kellu) spazju fiskali tajjeb: il-ħolqien ta’ fond karus għall-futur. Gawda minnu l-gvern Nazzjonalista ta’ wara, għax nefqu kollu f’qasir żmien.

    ***

    FUTUR L-EWROPA

    Dax-xahar l-uffiċċju tiegħi f’Malta organizza diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa. Il-laqgħa nżammet f’lukanda tal-Qawra u kellna attendenza sabiħa.

    Is-suġġett jiftaħ fuq ħafna oqsma tat-tmexxija Ewropea li jikkonċernaw mill-qrib lill-Maltin u l-Għawdxin imma li dwarhom ma tantx isir dibattitu f’pajjiżna. Biss, kif irrealizzajt matul il-laqgħa, kurżità – anzi, għatx għall-informazzjoni – dwar hekk jeżisti bis-sħiħ fil-pajjiż. 

    Fuq il-Brexit pereżempju, fejn ħafna jifhmu kif dan jista’ jkollu konsegwenzi importanti għal Malta, kemm fil-verżjoni “ratba”, kemm fil-verżjoni “iebsa” tiegħu. Ħafna wkoll mhumiex żguri b’liema mod se jqumu dawn il-konsegwenzi u kif jistgħu jolqtuhom.

    L-istess ħaġa tgħodd għal oqsma oħra bħall-immigrazzjoni; żviluppi fiż-żona tal-ewro; it-terroriżmu u t-tmexxija taż-żona ta’ Xengen... Il-lista mhijiex ċkejkna.

    ***

    LIEMA PATRIMONJU?

    Hemm aktar minn patrimonju wieħed li rridu nagħrfu u ngħożżu. Hemm dak li l-aktar jissemma: tal-binjiet, produzzjonijiet artistiċi u oġġetti kulturali sbieħ li jirriflettu kundizzjonjijiet ta’ ħajja xxamplata.

    Biss, jeżisti wkoll patrimonju ieħor: il-fdalijiet li jfakkru kif il-poplu ħaddiem jew skjav tal-imgħoddi kien jgħix, jaħdem, jiddeverti. Fihom hemm ukoll valur qawwi għax jagħtu xhieda li mhux biss is-saffi ta’ fuq fis-soċjetajiet tal-imgħoddi kkontribwew għall-iżvilupp ta’ ħajja dejjem aħjar fil-pajjiż, imma anke “tal-qiegħ”. Jixirqilhom attenzjoni biex il-valur tagħhom jiġi apprezzat.

    B’xorti tajba fl-aħħar snin, bdiet tingħata aktar importanza fostna lil dat-tieni patrimonju, wara perijodu fejn donnu li l-uniku patrimonju ta’ siwi kien dak li ħallew warajhom il-klassijiet tal-artistokrazija jew tal-borgeżija għolja.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook