BANALIZZAR

  • Ott 16, 2017 09:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    BANALIZZAR

    Kont naħseb li hawn Malta biss li nibbanalizzaw id-diskors publiku. Minflok niddiskutu dwar l-alternattivi ta’ tmexxija jew ta’ politika, naqbdu mal-persuni nvoluti u naraw kif indawru d-diskors fuq l-imġiba personali tagħhom; jew inkella niddevjaw l-attenzjoni mill-konsegwenzi tal-proposti li qed isiru billi nsemmu argumenti dwarhom li m’għandhom x’jaqsmu xejn imma li jqanqlu reazzjonijiet popolari fost in-nies.

    Mhu veru xejn li f’Malta biss – jew l-aktar – li dil-ħaġa tiġri. Bogħod minn hekk. F’pajjiżi akbar minn tagħna għalkemm mitqiesa bħala fost iż-żgħar, u f’pajjiżi akbar sew minna – fir-Renju Unit dwar il-Brexit, fl-Istati Uniti dwar il-proposti tal-President Trump u oħrajn, l-eċċessi fil-mod kif jitfissru l-kontroversji dwar l-għażliet li jitqajmu ma jaqtgħux. U l-midja soċjali komplew jgħinu biex dil-ħaġa ssir.

    Ma tantx naqbel li huma biss il-populisti li telqu f’din it-triq. Nara li qed isegwuha anke partiti “demokratiċi” tradizzjonali u s-segwaċi tagħhom. L-ibbanalizzar tal-politika donnu sar dejjem aktar għodda strateġika effettiva għall-gwadann tal-voti bit-taħwid tal-imħuħ.

    POLITIKU VERSU EKONOMIKU

    Il-konfront bejn il-gvern reġjonali Katalan u l-gvern ċentrali Spanjol dwar l-indipendenza tal-Katalunja baqa’ sal-aħħar wieħed politiku. Il-poplu Katalan għandu jew m’għandux dritt jiddetermina taħt liema sistema nazzjonali jrid jgħix?

    Il-konsegwenzi ekonomiċi ta’ deċiżjoni, naħa jew oħra, ftit dehru li qed jingħataw importanza. Sadattant, numru ta’ kumpaniji dehru li qed ilestu biex jitilqu mill-Katalunja u jmorru fi Spanja. Jekk tiġi dikjarata l-indipendenza, jkunu baqgħu fl-Unjoni Ewropea.

    Dil-biċċa fakkritkni kif matul il-kampanji biex Malta tidħol membru tal-Unjoni Ewropea, kien jiġri l-istess. Dawk favur is-sħubija sħiħa kien jibqgħu lura milli jiddiskutu b’mod konkret il-konsegwenzi ekonomiċi tas-sħubija u jisħqu l-aktar fuq l-aspetti “politiċi”.

    SPORT FL-UNIVERSITÀ

    Qatt ma kont bniedem sportiv; bil-maqlub. Imma dejjem għaraft l-importanza li għandu jkollu l-isport f’ħajjitna, mhux l-anqas fost it-tfal u ż-żgħażagħ.

    Għalhekk stagħġibt mhux ftit insir naf kif sal-lum fl-Università, il-faċilitajiet sportivi huma nieqsa kważi għal kollox. Kien mingħalija li jeżisti gimnażjum, u faċilitajiet għal taħriġ fl-atletika u fl-isport ta’ barra. Hekk jixraq f’università ħalli studenti li huma diġà sportivi isibu qrib il-post tal-istudji tagħhom, fejn jitħarrġu u jipprattikaw, u fejn studenti oħra jistgħu jitħajru jagħmlu hekk. Dan aktar jagħmel sens minħabba l-fatt li l-popolazzjoni studenteska baqgħet tiżdied bil-kejl tal-eluf.

    Imma le. Il-faċilitajiet sportivi għadhom primittivi. Tista’ tgħid li huma kważi non-eżistenti. L-istudenti interessati fl-isport jinsabu frustrati ħafna, u nifhimhom. Dawk li bħal ma kont jien, mhumiex interessati fih mhu se jkollhom l-ebda opportunità jibdlu fehmiethom.

    Din mhijiex problema ċkejkna.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0