Kif jitkellmu…

  • Ott 19, 2017 14:45
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ċerti nies jitkellmu hekk: ikunu qed imorru lura lejn imġiba antikwata dawk li – bħala persuni, għaqdiet jew movimenti – jitkellmu u jaġixxu favur l-interessi tan-nazzjon, tal-patrija. Tal-aħħar hi kelma qadima, li qed terġa’ ssir moda għalkemm b’sens li qed jiżvaluta u jħammeġ il-vera tifsira tagħha. Donnha tħalliet issir il-propjetà tal-lemin estrem.

    Jintqal kif in-nazzjonaliżmu fl-Ewropa wassal għall-aqwa ħruxijiet tan-nażismu u tad-diversi forom tal-faxxiżmu. Dan hu minnu. Imma kien in-nazzjonaliżmu “imdawwal” ta’ mexxejja bħal Churchill u de Gaulle li kkumbatta lin-Nażismu. Il-kunċett tal-patrija, tan-nazzjon fl-Ewropa, għandu għeruq ta’ identità u ta’ umaniżmu profondi. Ikun żball jekk jitwarrab.

    Jintqal kif bil-globalizzazzjoni, mhux in-nazzjonaliżmu hemm bżonn imma ħidma li tgħaqqad lill-popli fuq bażi kontinentali. Il-problema hi li mhux veru li sar biżżejjed biex fuq livell nazzjonali u b’koperazzjoni bejn in-nazzjonijiet, l-effetti tal-globalizzazzjoni jinġabu taħt kontroll razzjonali.

    Allura kif nistgħu ngħidu li dwar hekk, ħidma nazzjonali bilfors tfalli?

    ***

    IS-SERVEJ EKONOMIKU

    Nerġa’ ngħidha dis-sena. Is-servej ekonomiku li joħroġ mal-baġit suppost jagħti stampa ta’ kif qed tiżviluppa l-ekonomija Maltija. Hu mibni skont formola li ssawret fis-sninsittin u sebgħin tas-seklu l-ieħor. Dak iż-żmien il-manifattura u t-turiżmu kienu qed jitrawmu.

    Matul is-snin, is-servej baqa’ jinkiteb skont l-istess mudell. Fuq il-manifattura u l-biedja, issib tabelli dettaljati kemm trid; ħaġa li hi sew. Biss illum, is-servizzi finanzjarji u s-settur tal-imħatri bl-internet jinsabu fuq quddiem nett biex jirrankaw l-ekonomija. Bejniethom ilaħħqu kważi 30 fil-mija tal-ekonomija tagħna, forsi aktar. Dwarhom, is-servej m’għandu xejn xi jgħid... ħlief kif ir-regolatur tagħhom imexxi l-qafas li fih qed jiżviluppaw, ħaġa li ftit għandha x’taqsam mal-andament ekonomiku tagħhom.

    Din l-anomalija issaħħaħ is-suspett ridikolu li għandna x’naħbu dwar l-iżvilupp tal-ekonomija Maltija lejn is-servizzi.

    ***

    L-EWRO

    Għal ħafna nies, bir-raġun, il-kwistjoni dwar kif għandu jitmexxa l-ewro hi ħaġa teknika. Ma tiftiehemx u tinteressa lill-ftit.

    Dan l-istat ta’ fatt, hu ħaġa tajba?

    Jidhirli li le. La l-ewro sar il-munita nazzjonali tagħna, jaqblilna nkunu nafu xinhu jaffettwah, fejn sejjer tajjeb, fejn sejjer ħażin. Biex nirkbu fuqu meta jkun “tajjeb”,jew naraw kif se nilqgħu għat-taħsir li jista’ jkun dieħel. Jekk l-ewro jnin, il-kundizzjonijiet ta’ ħajja ta’ bosta u bosta familji fostna jmajnaw.

    Dawn huma punti li pprovajt infisser il-ġimgħa l-oħra waqt laqgħa ta’ tnedija ta’ ktieb dwar l-ewro... it-tielet wieħed f’sensiela li tiddiskuti mill-perspettiva ta’ pajjiżna, l-iżviluppi fiż-żona fejn l-ewro jitħaddem. Tassew, hu suġġett li jinteressa lill-ftit, waqt li jikkonċerna lil ħafna, biex ma ngħidx lil kulħadd.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0