Ħaddiema barranin

  • Ott 23, 2017 09:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ċifri li rajt dan l-aħħar dwar kemm jinsabu ħaddiema barranin f’Malta skantawni. Kont naf li żdiedu sew, imma mhux daqshekk.

    Fis-sena 2004, il-barranin li jaħdmu fostna kienu f’persentaġġ ta’ 2.6 fil-mija tal-ħaddiema kollha fl-ekonomija tagħna. Fl-2010, diċ-ċifra telgħet għal 6.1 fil-mija. Sal-2016, laħqet 16.6 fil-mija.

    Il-kategorija ta’ impjieg fejn hemm l-aqwa persentaġġ ta’ ħaddiema barranin hi dik tal-“managers”: 23.3 fil-mija fis-sena 2016. Warajha jiġu dawk tal-ħaddiema klerikali jew f’pożizzjoni ta’ għajnuna amministrattiva (17.7 fil-mija)  u ta’ nies tekniċi u f’karigi ta’ appoġġ lill-professjonisti (17.4 fil-mija). Imma fl-ebda kategorija ta’ impjieg is-sehem ta’ ħaddiema barranin mhu ta’ anqas minn 10 fil-mija, tneħħi l-biedja u s-sajd (5.2 fil-mija). 

    B’mod ġenerali, terz mill-ħaddiema barranin huma minn barra l-Unjoni Ewropea (l-aktar f’impjiegi ta’ valur “baxx”) u żewġ terzi mill-Unjoni (l-aktar f’impjiegi ta’ valur “għoli” u fit-turiżmu).

    Din l-istampa turi kemm l-ekonomija Maltija saret dipendenti fuq ix-xogħol tal-barranin. M’għandniex inkomplu nagħlqu għajnejna għal dan l-iżvilupp.

    ***

    REPUTAZZJONI

    Il-ġrajjiet serji u t-trawma nazzjonali tal-aħħar ġimgħa jirrekjedu żewġ risposti: sforz qawwi u bla waqfien, biex tinstab il-verità u ssir ġustizzja; u sforz qawwi wkoll biex ir-reputazzjoni ta’ Malta tkun imħarsa – għax qalgħet daqqa qawwija.

    Konvint li l-ewwel ħidma se titwettaq bla ebda riżerva. 

    It-tieni waħda wkoll se tkun diffiċli. Meta jkun xtered l-għajdut, diffiċli tiġbdu lura. Aktar u aktar meta donnu uħud fil-binja nazzjonali għandhom interess vestit li jeżaġeraw u jispekulaw biex joħolqu riflessi koroh. Għal fejn ikunu jridu jwasslu diffiċli tgħid. L-istess nies, b’li jgħidu u jagħmlu, ikunu qed iħammġu wkoll lilhom infushom. 

    ***

    BTALA RUMANA

    Rajt films ta’ Billy Wilder li snin ilu, kien mitqies bħala maestro taċ-ċinema Amerikan; forsi għadu. Imma kont insejt il-mod ferrieħi u ħafif li bih imexxi r-rakkont li jipproponilek. Waqt li tagħraf kemm ix-xenarju li qed itella’ xi kultant qed jiġġebbed wisq, xorta tibqa’ mehdi bl-istorja tiegħu.

    Talanqas hekk ġrali b’“Roman Holiday” li nħadem fis-sena 1953. Audrey Hepburn kellha l-parti ta’ prinċipessa li qed tagħmel żjara statali fil-Belt Eterna. Taħrab għal rasha bla ħadd ma jaf fejn marret, biex tiskopri x’hemm lil hinn mil-laqgħat formali. Jidħol biex jieħu ħsiebha ġurnalist Amerikan stazzjonat f’Ruma, Gregory Peck. Meta jsir jaf min hi, waqt li jakkumpanjaha f’dawra durella turistika, jirranġa biex jieħu ritratti tal-avventuri tagħhom. Wara jkun jista’ jbiegħhom bi gwadann kbir.

    Hu film maħdum tajjeb ħafna. Xejn aħjar minnu biex tqatta l-ħin fuq titjira ta’ billejl li tkun telqet tard.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    gorgilqurmi
    Ott 25, 2017

    Il-problema li nsib meta nzur Malta hija li fejn il-haddiema iservu lill-klijenti direttament, ftit issib min jitkellem bil-Malti. Nahseb li l-uniku pajjiz fid-dinja fejn tal-hwient u tar-ristoranti ma jitkellmux bl-ilsien tal-pajjiz.

    Irrispondi