Ping Pong

  • Ott 25, 2017 14:45
  • Miktub minn Charles Miceli

    Nhar it-Tnejn ċempluli minn fuq il-programm “Bejn Tlieta, it-Tnejn” li jixxandar fuq One Radio li kien qed jiddiskuti l-għaqda nazzjonali. Suġġett topiku l-aktar wara dak li ġara minn wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

    Ma nixtiqx nirrepeti dak li għidt waqt il-programm. Hawnhekk nixtieq nelabora naqra aktar fuq dan is-suġġett. 

    Però tajjeb nirrepeti li jien nemmen li l-pajjiż huwa magħqud talanqas fuq ħaġa waħda. Li tikkundanna d-delitt. 

    Il-Maltin u l-Għawdxin żgur huma magħquda. Kemm dawk li qed jipprotestaw fil-beraħ. U kemm dawk li għaddejjin minn proċess ta’ niket privatament.

    Sintendi, anzi ovvjament, jien qed inkun suġġettiv. U l-ħsibijiet tiegħi forsi ma jogħġbux lil kulħadd. Imma miniex nikteb biex naqla’ xi prosit. 

    Jiddispjaċini

    Jiddispjaċini li f’dan il-pajjiż fl-aħħar mill-aħħar kollox jidher li jispiċċa ping pong politiku partiġġjan. Tagħna kontra tagħhom. Aħna u l-oħrajn. 

    Forsi nidher li qed nikkontradixxi lili nnifsi. Filli ngħid li hawn l-għaqda u filli ngħid li l-pajjiż maqsum min-nofs.

    Nispjega naqra ruħi. Fil-wiċċ jidher li hemm qasma bejn l-aħmar u l-blu.  

    Imma fil-ħajja ta’ kuljum, fit-toroq tagħna, lil hinn mid-diskors ħafna drabi vojt, nara ħafna u ħafna nies li lesti jibżgħu għal xulxin. 

    U fis-siegħa tal-prova jgħinu lil xulxin. 

    Realtà

    Ma rridx nagħmel diskors żejjed biex ma nweġġa’ lil ħadd li forsi fl-aħħar mill-aħħar kellu intenzjonijiet tajba. U agħar u agħar ma naqax f’xi nassa partiġġjana mingħajr ma nixtieq.

    Madanakollu minn segwa dak li ġara f’dawn l-aħħar jiem jifhem sewwa x’qed ngħid. U wisq nibża’ li fil-jiem li ġejjin id-doża partiġġjana tidher li se tiżdied.

    U sakemm se nibqgħu nemmnu fid-demokrazija parlamentari, dawn l-affarijiet għandna nistennewhom. 

    Idejquni imma realtà li rrid naċċetta. 

    Qtugħ tal-irjus

    Hemm ħafna u ħafna xi tgħid. 

    Fuq il-qtil kiefer ta’ Daphne Caruana Galizia. 

    Fuq l-espressjoni ħielsa. 

    Fuq id-demokrazija. 

    Fuq il-politiċi. 

    Fuq il-partiti.

    Fuq il-Kummissarju tal-Pulizija.

    Fuq l-Avukat Ġenerali. 

    Fuq l-istituzzjonijiet. 

    Fuq is-soċjetà ċivili. 

    Fuq l-għaqda nazzjonali. 

    Fuq l-aġendi moħbija. 

    Imma għalissa nixtieq ngħid biss li tkun ħasra jekk nużaw il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex nimbuttaw għall-qtugħ tal-irjus. 

    Kemm jekk tkun ras il-Prim Ministru u kemm jekk tkun ras il-Kap tal-Oppożizzjoni. 

    Aktar milli retorika, aktar milli diskors partiġġjan, għandna bżonn nimmaturaw u nibdew nitkellmu fuq il-fatti. 

    U fuq kollox kif se naslu biex insibu lil min hu ħati tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0