Tneħħija ta' skart

  • Ott 26, 2017 10:40
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Rajt dokument dwar il-problema tal-iskart u kif l-aħjar nilqgħu għaliha, ppublikat daqs sabatax-il sena ilu mill-gvern Malti ta’ dak iż-żmien. Il-problema ġiet analizzata tajjeb. Il-konsegwenzi li jinqalgħu minħabba l-kumulu tal-iskart tqiesu bir-reqqa. Tpoġġew soluzzjonijiet biex il-problema tingħeleb.

    L-ebda proposta ma setgħet titwettaq f’daqqa. Kollha kienu jirrekjedu miżuri paċenzjużi, b’xejn spettakolari fihom, kif ukoll sforz mifrux biex l-imġiba tal-familji u taċ-ċittadini tinbidel f’kif jiddisponu mill-iskart.

    Ftit twettqu minn dawn il-miżuri. Dawk li twettqu ma wasslux bogħod. Il-materja tqanqal dwejjaq u apatija: dik problema. Donnha tressaq lis-soċjetà lejn miżuri li jżidu fl-iskomfort fil-ħajja ta’ kuljum biex jintlaħqu għanijiet siewja tat-tul. Imma l-għada min rah?

    Biss, illum qed jissarraf fl-għada li ma ridniex naraw. Il-gvern, bir-raġun, qed jisħaq fuq l-urġenza tal-problema. Tgħid se jaqa’ hu wkoll “vittma” tad-dwejjaq u l-apatija li l-isfida ta’ kif se niddisponu mill-iskart dejjem qanqlet fostna?

    ***

    L-EWROPA U L-KATALUNJA

    Sa meta qed nikteb dan, l-iżviluppi li jistgħu jseħħu fil-Katalunja għadhom inċerti. L-istat Spanjol jinsab imċaqlaq sa fl-aktar sisien profondi tal-binja tiegħu. Imma l-kriżi kollha nebbħet mistoqsijiet ħafna usa’ minn hekk. Jikkonċernaw l-Ewropa kollha.

    Sa fejn jista’ jitwassal id-dritt tal-popli Ewropej li jiddeċiedu f’liema stat nazzjonali għandhom jgħixu? Kif jista’ jitħaddem dad-dritt fil-qafas ta’ kostituzzjonijiet demokratiċi li tfasslu fi żminijiet oħra?

    Liema forom ta’ espressjoni politika jistgħu jitħaddmu? Sa fejn jistgħu jitwasslu, anke meta jkunu paċifiċi? X’forza tal-istat hi aċċettabbli biex jiġu nkwadrati?

    X’użu għandu jsir mir-referendafis-soluzzjoni ta’ għażliet nazzjonali fondamentali? Hemm xi futur fejn l-Ewropa lil hinn minn jekk ma tibqax waħda tan-nazzjonijiet, għandhiex issir waħda tar-reġjunijiet?

    Ma qed tinżamm l-ebda diskussjoni Ewropea dwar dawn il-kwistjonijiet li l-kriżi tal-Katalunja poġġiet fuq il-quddiem nett tax-xenarju politiku fl-Ewropa.

    ***

    KITBIET

    Wara li l-midja soċjali kisbu dominanza sħiħa fil-qasam tal-kumnikazzjoni, ġara dan fil-midja stampati (gazzetti):

    Sa ftit tas-snin ilu, il-gazzetti kienu jaraw kif se jċekknu t-tul tal-artikli, aħbarijiet u kummentarji li jxandru. In-nies mhijiex lesta ddumtaqra, kienu jgħidu; mela dak li nipprezentaw, irid ikun imqassar bl-istess mod kif jaħdmu t-“tabloids” popolari, fejn l-artikli jibqgħu qosra u punġenti.

    Imma issa b’facebook u l-modi l-oħra kif kulħadd spiċċa jgħid tiegħu u tagħha fuq il-midja soċjali, u fejn b’kumment qasir, tista’ tiddeċiedi dwar il-futur tal-univers,reġa’ instab interess għad-diskors itwal li jindaga b’ċerta serjetà l-kumplessità tar-realtà soċjali u ekonomika madwarna. M’hemmx aħjar mill-midja stampata biex turiha.

    Speċjalment fil-gazzetti mitbugħa għal tmiem il-ġimgħa, l-ispazju għall-artikli “twal” twessa’ u tkabbar.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0