X’IRIDU L-GĦAWDXIN MILL-EWROPA?... QTIL POLITIKU?

  • Ott 30, 2017 08:30
  • Miktub minn Alfred Sant

    X’IRIDU L-GĦAWDXIN MILL-EWROPA?

    F’laqgħa li żammejna f’Marsalforn, dwar x’jixtiequ l-Għawdxin mill-Ewropa, tqajmu ħafna punti interessanti. Fosthom dwar l-impjiegi f’Għawdex għaż-żgħażagħ u dwar Għawdex bħala reġjun.

    Dan tal-aħħar m’għadux moda bħalha suġġett, għal diversi raġunijiet. Għalhekk stagħġibt meta żagħżugħ fl-għoxrinijiet tkellem fuqu b’interess kbir. Saħansitra staqsa jistax jara kopja tal-White Paper dwar Għawdex bħala reġjun li konna ħriġna meta hu kellu erba’ snin jew anqas! Nipprova nara nsibx kopja.

    Għalkemm fl-aħħar snin, sar titjib sostanzjali fil-qagħda ekonomika u soċjali ta’ Għawdex, l-Għawdxin għadhom iħossuhom fi żvantaġġ.  Anke jekk xi kultant irridu nżommu saqajna mal-art dwar dan l-aspett, naħseb li l-aqwa oġġettiv għandu jkun dak li jinħolqu impjiegi produttivi u mħallsa tajba fil-gżira għaż-żgħażagħ Għawdxin.   

    QTIL POLITIKU

    Uħud qaluli: l-assassinju tas-sinjura Daphne Caruana Galizia kien qtil politiku.

     Saqsejthom: X’jiġifieri f’das-sens – qtil politiku? 

     Jiġifieri sar għal-mottivi politiċi, uħud mill-uħud wieġbu. 

    Personalment inqis vojt dan it-tip ta’ ġudizzju, l-istess bħall-ġudizzji l-oħra li mill-ajru, jagħtu dan jew dak il-mottiv biex “isolvu” l-każ orribbli. Imma jekk wieħed “jaċċetta” l-verżjoni politika, irid jistaqsi mbagħad lil min politikament dan l-att kriminali seta’ jibbenefika.

    Neskludu forzi politiċi barranin, għażla li ma tidhirx probabbli.

    Il-gvern jew il-partit Laburista żgur ma kellhomx x’jibbenefikaw milli ġara; anzi tilfu. Caruana Galizia kienet strumentali bil-qawwi għal waħda mill-akbar rebħiet elettorali tal-PL.

    L-istess il-Kap tal-Oppożizzjoni attwali, li daħal fil-kariga b’rebħa fuq fost oħrajn, il-kampanja kontrieh li għamlitlu Caruana Galizia. Żgur ma kellu l-ebda interess iċajpar dir-rebħa.

    Jibqa’ dik il-parti tal-PN li mexxiet il-partit fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena, spiċċat skreditata għall-aħħar imma xorta riedet tibqa’ tmexxi l-partit. 

    Naturalment, dawk li jittimbraw dak li ġara bħala “qtil politiku” b’xejn ma jridu jsegwu dil-loġika li toħroġ mill-istess kliemhom.

    “GLYPHOSATE”

    Għal mument kelli konflitt għandix nivvota fil-Parlament Ewropew favur li tiġi projbita l-glyphosate, il-kimika użata bħala fertilizzanti u li saret magħrufa bħala ta’ dannu għas-saħħa. Barra mill-kumpanija Amerikana kbira li tipproduċiha li mexxiet ħidma enormi mad-dinja kollha kontra l-projbizzjoni, hemm kważi s-settur kollu tal-bdiewa Ewropej kontra; inkluż dak ta’ Malta, kif rappreżentat mill-koperattivi.

    Il-bdiewa jibżgħu li mingħajr dal-fertilizzant, titnaqqsilhom il-produzzjoni u jitilfu l-flus.

    Biss, l-istudji li saru dwar id-deni fuq is-saħħa tal-popli li jġib miegħu l-glyphosate ma jistgħux jitwarrbu, minkejja l-istudji l-oħra li xandret fil-propaganda tagħha, il-kumpanija Amerikana.

    Għalhekk ivvotajt mas-soċjalisti u d-demokratiċi għat-tneħħija tal-glyphosate. Nemmen li għandhom jitmexxew programmi biex il-bdiewa Ewropej jingħataw kumpens u alternattivi ħalli jilqgħu għall-effetti tal-bidla. Imma m’hemmx kompromessi fil-ħarsien tas-saħħa tal-poplu.  

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0