Kurjuża

  • Nov 02, 2017 11:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Naraha ħaġa kurjuża li sal-lum, għad baqa’ daqstant nies li donnhom għadhom jgħixu fil-bozza tal-ġrajjiet li wasslu sal-elezzjoni ġenerali ta’ dis-sena. Biżżejjed taqra l-litaniji tagħhom (b’numru minnhom li jiktbu taħt ismijiet differenti) fil-midja soċjali jew fl-ispazju li l-ġurnali online jirriżervaw għall-kummenti tal-qarrejja.

    Xi kultant nissuspetta li l-aqwa mutur għal imġibithom hu l-għali għat-telfa elettorali tal-partit tagħhom. Għax hu minnu li l-biċċa l-kbira minnhom jappoġġjaw il-PN; għalkemm imbagħad, ma jonqsux segwaċi Laburisti biex jagħtuhom il-patta pari patta, huma wkoll donnhom ma ħarġux mill-bozza tar-rebbiegħa li għaddiet.

    Il-ħajja tkompli fil-verità; ħadd ma jista’ jżommha ċassa. Biss forsi dal-fatt kurjuż qed jibqa’ jirrifletti punt li ħareġ ċar mill-2013 ’l quddiem. Ċerti elites, li mingħalihom kellhom xi dritt divin għall-poter u l-privileġġi tas-setgħa fil-pajjiż, qed iħossuhom sposseduti doppjament illum. Dak li kien tagħhom bi dritt naturali, skont huma, issa mhux biss ġew imċaħħda minnu għal darba, imma għal darbtejn u b’mod umiljanti. Ir-rimedju li qed jaqgħu għalih hu li jippretendu li l-logħba politika għadha kif kienet f’Ġunju li għadda, lejliet l-elezzjoni.

    ***

    SELF MEJJET

    Fil-mixja lejn għaqda bankarja fl-Unjoni Ewropea, skoll qawwi qed ikun dak poġġut mis-self kbir li għad għandhom il-banek u li mhuwiex irendi: il-kondizzjonijiet tas-self mhumiex qed ikunu onorati (ħlasijiet ta’ imgħax, pagament ta’ kapital lura eċċ.) imma xorta waħda s-self baqa’ jinżamm fuq il-kotba tal-bank li jkun.

    Il-problema mill-bidu kienet li kieku das-self mejjet jitneħħa kollu f’daqqa minn fuq il-kotba finanzjarji, uħud mill-banek – fosthom ismijiet qawwija ħafna – kienu malajr jogħtru. Aktar u aktar għax fl-istess ħin, kien qed ikollhom jibdew iġorru obbligi finanzjarji żejda preskritti mir-regoli ġodda Ewropej, maħsuba ħalli jsostnu l-qagħda tal-banek.

    Instab qbil biex il-banek jiżbarazzaw ruħhom minn self mejjet bin-nifs. Dan-nifs qed itul wisq.

    ***

    BĦAL DEJJEM

    Aktar ma nerġa’ nqatta’ żmien fi Brussell, aktar ninduna kemm għadhom qed jitħaddmu r-regoli Ewropej il-“qodma”.

    F’miġemgħa bejn “kbar” u “żgħar”, fejn il-ħin kollu tiġi mistqarra l-akbar lealtà lejn prinċipji u valuri tal-akbar stima, jitħaddmu żewġ regoli.

    Lejn il-“kbar”, prudenza kbira kull meta dawn skont il-fehma ġenerali, għar-raġunijiet tagħhom, ikunu xellfu jew kisru l-istess prinċipji.

    Biss skont il-fehma anke ta’ minoranzi influwenti – u fuq il-bażi ta’ allegazzjonijiet dubjużi, speċjalment fejn tidħol l-aktar il-konvenjenza politika, malli wieħed miż-“żgħar” jidher qed ixellef xi prinċipju, it-tempesti jqumu. Il-qdusija Ewropea tieħu r-ritmu ta’ kruċjata. Il-ħidmiet ta’ investigazzjoni u twiddib jirrankaw.

    Stramba kif hemm xi Maltin li dil-ħaġa jqisuha utli. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0