Xi jmiss dwar l-ewro?

  • Nov 06, 2017 10:15
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Ikolli mistoqsijiet hekk: Xi jmiss li jsir dwar l-ewro? X’inhuma l-iżviluppi li wieħed jista’ jistenna f’dal-qasam? Kif tista’ tissaħħaħ il-munita tal-ewro fiż-żmien li ġej? 

    Wieħed jifhem għaliex iqumu dawn il-mistoqsijiet wara s-sensiela ta’ proposti li tqanqlu minn diversi sorsi dwar il-passi li jridu jittieħdu, fosthom mill-gvern Taljan, il-Parlament Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Juncker, il-President Franċiż Macron, biex ma nsemmix istituti akkademiċi u għaqdiet Ewropej. Ħafna mill-proposti jixtiebhu. 

     L-aktar li jagħmlu sens huma dawk li jikkonċentraw fuq żviluppi konkreti li jistgħu jitwettqu fi żmien qasir. Dawk li jħasslu miżuri federali li jressqu lejn għaqda ekonomika u monetarja sħiħa sas-sena 2024 jew ta’ warajha, jidhruli spekulattivi.

    Pereżempju, hemm ħtieġa li l-għaqda bankarja titwettaq sal-aħħar. Għad baqa’ miżuri x’jittieħdu biex is-sorvelja u l-ħarsien tal-banek fuq bażi Ewropea jkunu kompluti; u biex tiddaħħal skema ta’ assigurazzjoni fuq id-depożiti. Progress f’dawn iż-żewġ oqsma għandu jitqies bħala prioritarju.

    ***

    KNISJA PROATTIVA

    Knisja Kattolika proattiva b’mod publiku fl-oqsma differenti tal-ħajja tal-pajjiż hi xi ħaġa ta’ min jixtieqha, anke meta dan l-attiviżmu jieħu xeħta kritika. 

     Minkejja dak kollu li jintqal bil-maqlub, il-verità hi li soċjoloġikament u kulturalment, il-personnel tal-Knisja jiġbed fil-maġġoranza tiegħu lejn il-lemin. Il-probabbiltà tibqa’ allura li meta tqum il-kritika, dan aktar jiġri b’indirizz lejn xi jkun qed jagħmel ix-xellug politiku milli l-lemin. L-iżviluppi tal-aħħar snin jikkonfermaw din it-teżi. 

    Xorta waħda nemmen li aħjar Knisja hekk, milli waħda maqbuda fl-għanqbut tal-imgħoddi, nieqsa minn proposti għall-futur ħlief fejn jidħlu l-privileġġi li seta’ baqagħlha.  Bil-kundizzjoni madankollu li Knisja kritika taċċetta wkoll li se ssir kritika “kontra” tagħha.

    ***

    NUQQAS TA’ NIES IMĦARRĠA

    Punt li dwaru ma naħsibx li ffokajna biżżejjed sa issa hu li fis-soċjetà tagħna, għandna wisq nies li tul ħajjithom jibqgħu nieqsa minn taħriġ li jgħodd għalihom u li jekk jeħduh, joffrilhom opportunitajiet għal ħajja aħjar illum u għada.

    Veru li qed jitħaddmu miżuri biex jonqsu n-numri ta’ tfal subien u bniet li jitilqu kmieni mill-iskola jew ma jispiċċawx tajjeb l-istudji “sekondarji” tagħhom. Imma lil hinn minn hekk, x’aktarx li neħtieġu inizjattivi li jkomplu jsusu wara n-nies, anke dawk f’impjieg, biex inħeġġuhom jidħlu għal aktar taħriġ.

    M’hemmx għalfejn ngħidu, jekk inizjattivi bħal dawn se jsibu suċċess, iridu jkunu qed joffru taħriġ tassew validu, imfassal tajjeb u li jittrasmetti “snajja” meħtieġa u aġġornati. Anke min jibqa’ nieqes mit-taħriġ malajr se jinduna jekk dak li qed jiġi offrut lilu jew lilha hux ta’ kwalita inferjuri jew le. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0