Toroq... Żibel

  • Nov 11, 2017 07:45
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Toroq

    Il-Gvern imbarka biex jirranġa t-toroq ta’ Malta.  Proġett ambizzjuż ħafna iżda importanti immens għaliex minkejja li għaddew is-snin xorta bqajna lura f’dan il-qasam.  Ħafna drabi triq tkun għadha bilkemm tlestiet li ma nerggħux naqalgħu xi parti minnha bil-konsegwenza li ħafna mit-toroq tagħna huma diżastru.  Għalhekk l-ippjannar hu importanti ħafna.  

    Ħaġa li kien daħħal il-Gvern tas-sitta u disgħin kienet li jkun hemm kumitat mgħmul minn diversi Ministeri biex jara li triq tinbena bis-servizzi sew.  Jekk hemm eżempju tal-benefiċċji ta’ dan, ħares lejn it-Triq Żabbar fil-Fgura li kienet saret dak iż-żmien.  Kien proġett li kien jirrikjedi ħafna xogħol u qajjem kritika għaliex din kienet arterja prinċipali.  Biss illum wara madwar 20 sena din it-triq għadha tajba u ma nqalatx darba.  Dan għaliex kien hemm ippjannar li mhux biss ħa ħsieb is-servizzi iżda t-traffikku kbir li jgħaddi minnha. L-uniku difett li kien hemm kien li neħħejna s-siġar kollha.  Ħadd ma gerger għaliex bħal ma darba kiteb wieħed, illum Ministru, il-maġġoranza tal-Maltin iħobbu s-siġar u l-pjanti imma tal-plastic.  

    Jien ċert li dawn l-affarijiet ser jieħdu ħsiebhom.  Veru jikkumplikaw l-affarijiet iżda huma essenzjali biex ikollna toroq li jservu.  

    Waħda mill-affarijiet li dejjem laqtitni fit-toroq tagħna hi li ħafna mit-toroq tagħna m’għandhomx sistema li tilqa’ l-ilma tax-xita.  L-ilma tax-xita li jinżel fi triq jibqa’ sejjer għal toroq oħra bil-konsegwenza li t-toroq aktar fil-baxx ikunu mgħarqa fl-ilma.  L-istess irridu nħarsu lejn lokalitajiet sħaħ kif dawn jolqtu lokalitajiet oħra.  Il-proġett tal-Imsida hu eżempju li għandna tendenza li nħarsu lejn l-effett u mhux lejn is-sors tal-problema.  Is-sors tal-problema tal-Imsida hu l-Mosta, in-Naxxar u Birkirkara.  Li kieku sar xogħol tajjeb f’dawn il-postijiet u kien hemm ilqugħ għall-ilma f’dawn il-postijiet, il-problema tal-Imsida kienet tkun ħafna iżgħar u la kien ikollna problemi fis-sistema tat-traffiku meta tagħmel ħalba sew u lanqas li ilma tax-xita jispiċċa l-baħar.  

    Li niskanta hu li filwaqt li żmien ilu konna nieħdu ħsieb dawn l-affarijet illum kważi nsejnihom għal kollox.  Min jiftakar il-Belt ta’ xi 30 sena ilu jiftakar li kull kantuniera kien hemm 4 bokok żgħar, waħda f’kull ġenb, li jilqgħu l-ilma biex b’hekk in-naħat ta’ isfel ma jiġux magħrqa bl-ilma.  Illum ma tarahomx għax xi għaref meta ta t-tarmak tat-toroq tal-Belt għatta kollox – sew dan l-ilqugħ tal-ilma u anki t-tappieri.

    Il-proġett tal-flyover il-ġdida tal-Kappara jagħmilli kuraġġ li l-affarijiet issa nbidlu.  Nispera li nibqgħu mixjin hekk – li l-affarijiet nagħmluhom tajjeb u fil-ħin.

    Iż-żibel

    Dan l-aħħar waqt li kont qed insuq kien hemm programm fuq ir-radju dwar il-kunsilli lokali.  Sindku qal li hemm bżonn li n-nies ma joħorġux il-boroż taż-żibel qabel il-ħin.  Naqbel.  Biss biex isir dan hemm bżonn li l-ħin ikun tajjeb għan-nies.  Jekk dak li jiġbor iż-żibel jgħaddi fis-sebgħa ta’ filgħodu ma tantx nara problemi.  L-istess jekk jgħaddi fis-sebgħa ta’ filgħaxija.  Biss jekk jgħaddi fil-ħdax ta’ filgħodu, in-nies bilfors ikollhom joħorġu ż-żibel ħafna qabel għax il-maġġoranza jkunu x-xogħol dak il-ħin.  

    Din hi problema li tista’ tiġi solvuta bil-mod il-mod jekk l-awtorita’ li tapprova l-pjanti ta’ bini ġdid titlob li meta jkun hemm blokka sħiħa li ser tinbena jkun hemm kamra bejn jinġabar iż-żibel.  Blokok bħal dawn li jkollhom ħafna sulari irid jintalab li jkun hemm minn fejn tarmi l-borża mis-sular tiegħek biex tiġi fil-kamra fejn jinġabar iż-żibel kollu.  B’hekk jiġi taż-żibel fi x’ħin jiġi, ma jkunx hemm boroż barra.  

    Problema f’postijiet turistiċi hi ħafna akbar għaliex il-postijiet li jipprovdu l-ikel u xorb ħafna drabi joħorġu ż-żibel kif jalqgħu, jiġifieri tard bil-lejl.  Dan mhux talli jħalli dehra kerha filgħodu sakemm jinġabar iż-żibel, iżda wkoll iġib ħafna ġrieden.  Ngħiduha kif inhi, dan isir għaliex ħadd ma jitlob li jkun hemm post fir-restorant fejn jinġabar iż-żibel.  Biss barra minn Malta sabu soluzzjonijiet.  Ma nafx kif f’Malta le.  Soluzzjonijiet żgur li hemm ħafna u ma narax kif ma nsibux waħda li tgħodd għalina.

    Dan l-aħħar kont Ljubljana u hemm rajt kif dawn solvewha fiċ-ċentru l-antik fejn ir-restoranti huma żgħar għax il-postijiet li jinsabu fihom huma antiki.  Dawn għandhom bħal skip li fuq hi żgħira iżda dak li jintefa’ ġo fiha jgħaddi għal ħofra ħafna akbar taħt l-art.  Mhux kulħadd jista’ juża dawn l-iskips għax biex tinfetah trid ikollok card.   

    Nemmen li soluzzjonijiet hemm jekk irridu nsolvuhom.  Nemmen ukoll li biex jaħdmu ċerta soluzzjonijiet, hemm bżonn li n-nies ibiddlu nġibithom ukoll.  Biss hemm limitu għal dan – xi ħaġa li llum hi magħrufa u pajjiżi kbar qed joqogħdu attenti għaliha għax jafu li s-suċċess fi tħaddim ta’ sistemi ġodda, dejjem hemm bżonn bidla fl-imġieba tan-nies.  

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0