SERVIZZI FINANZJARJI

  • Nov 13, 2017 08:15
  • Miktub minn Alfred Sant

    SERVIZZI FINANZJARJI

    Snin twal ilu, il-gvern Nazzjonalista ried jiżviluppa s-servizzi finanzjarji. Jien kont wieħed mix-xettiċi. Bżajt li dan kien se jibdel lil Malta f’ċentru tal-ħasil tal-flus. Assigurawni li mhux se jiġri hekk. Il-gvern Nazzjonalista kellu jdaħħal regolamentazzjoni stretta u trasparenti. Ħtieġlu l-koperazzjoni tal-Oppożizzjoni Laburista biex jibni qafas legali ġenwin u serju. Ħallejthom jikkonvinċuni.

    Is-servizzi finanzjarji kibru qatigħ. Saru jammontaw għal kważi 20 fil-mija tal-ekonomija. Fuqhom jitrikkbu s-servizzi tal-imħatri bl-internet li jlaħħaq mal-10 fil-mija tal-ekonomija. Tajjeb jew ħażin, it-tnejn saru mutur ewlieni fit-tkabbir ekonomiku tagħna.  

    Mill-Oppożizzjoni llum, il-PN – jew parti minnu li donnha tqis li tilfet kull ċans li terġa’ lura fit-tmexxija, ikun min ikun fil-gvern – fetaħ attakk liema bħalu fuq is-servizzi finanzjarji f’Malta. Qed ipinġihom bħala mod kif il-gvern preżenti mhux ħlief jikkommetti abbużi. 

     Il-ħsara li qed issir hi tremenda. Wara snin ta’ awsterità maqbula bejn kulħadd, dil-ħsara qed tinfirex fuq ix-xewqa tal-politikanti Ewropej biex jidhru li tassew qed jiddefendu l-interess komuni. Il-pajjiżi li jipprovdu servizzi finanzjarji qed jitqiesu bħala l-kollaboraturi ta’ sinjuri u kumpaniji kbar li kull ma jridu jagħmlu hu li jevitaw li jħallsu t-taxxi.

    NAZZJONALITÀ DOPPJA

    Għamilna s-snin intellgħu u nniżżlu għandniex indaħħlu ċ-ċittadinanza doppja għall-emigranti Maltin fl-Awstralja. Bħalissa hemm faċilità sħiħa biex il-Maltin tal-ewwel u tat-tieni ġenerazzjoni, jkollhom nazzjonalità doppja.

    Matul is-snin li fih inżamm id-dibattitu għandniex nagħmlu hekk jew le, nammetti: ma kontx naf li l-liġi federali Awstraljana tipprojbixxi lil min ikollu ċittadinanza doppja li jieħu kariga parlamentari elettiva. Dil-ħaġa qed toħloq kriżi politika fl-Awstralja bħalissa.

    Jiġifieri, meta qbilna li nwessgħu ċ-ċittadinanza doppja Maltija lejn id-dixxendenti emigranti Maltin,  konna wkoll qed nimpedulhom li xi darba jew oħra jilħqu għall-aqwa karigi politiċi fl-Awstralja.

    OXFAM

    Kelli ħanut tal-Oxfam favorit tiegħi fi Brussell fejn stajt tqatta ftit tal-ħin tgħarrex – fil-każ tiegħi – għal kotba qodma. Oħrajn kienu jiġu jfittxu ħwejjeġ u żraben użati u patafjun rimiżolji oħra. Għax bil-maqlub tal-ħwienet Oxfam l-oħra fil-Belġju, dal-ħanut “tiegħi” xejn ma kien pulit u ordnat; mudlam, b’kollox imħarbat jew kważi, kotba u ġugarelli qodma u żraben  f’ħallata ballata – kwalitajiet li kienu jagħtuh il-faxxinu tiegħu. Il-ħwienet l-oħra tal-Oxfam fil-Belġju ssibhom imdawla, irranġati b’galbu monotonu, b’kotba hemm, ħwejjeġ imdendla hawn u dekorazzjonijiet tad-dar post ieħor.

    Xi ħadd iddeċieda li l-Oxfam “tiegħi” mhux sura. Ingħalaq għas-sajf, ingħata dehra ġdida u reġa nfetaħ ftit ilu. Mort nara kif sar. 

      Sibtu pulit, ordnat, imdawwal, bħall-Oxfam l-oħra li tara fil-bliet Belġjani. Ma naħsibx li se mmur aktar.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0