Int x’bi ħsiebek tagħmel fil-Jum Dinji tal-Foqra?

  • Nov 15, 2017 19:05
  • Miktub minn Charles Miceli

    Aktar milli fuq il-kliem, wisq drabi vojt, l-enfasi għandha tkun fuq l-għemil. X’nagħmel mhux x’ngħid. għax kif jgħid il-Malti, il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar.

    Imma bilkemm ilhaqt ktibt dan il-paragrafu li ma ndunajtx li dħalt fi sqaq. Jekk se ngħid x’nagħmel, nista’ nidher li qed niftaħar bija nnifsi. U kif kien qal l-Imgħallem, meta tagħmel il-karità, tħallix lil idek ix-xellugija tara x’qed tagħmel il-leminija.

    Madankollu nħossu d-dmir tiegħi li nikteb xi haga dwar il-Jum Dinji tal-Foqra li se jitfakkar għall-ewwel darba nhar il-Ħadd li ġej, 19 ta’ Novembru, 2017.

    Min huma l-foqra?

    Tajjeb qabel inkompli ngħid min huma l-foqra. U qed nirreferi l-aktar għall-foqra f’pajjiżna. Aktar  milli l-foqra tal-Kongo jew tal-Istati Uniti tal-Amerika. Il-foqra ta’ Malta u Għawdex.

    Iva. għax anke f’pajjiżna hawn il-foqra. Foqra li jgħixu bil-pensjoni. Foqra li jgħixu bil-benefiċċji socjali. Foqra li kultant għal xi raġuni jew oħra lanqas huma intitolati għall-benefiċċji soċjali. 

    U wkoll għandna l-foqra li jahdmu imma d-dħul tagħhom ma jippermettix li huma u uliedhom jgħixu hajja diċenti.

    Ufficjalment għandna 89,920 persuna jgħixu fil-faqar. Minnhom 18,165 huma tfal. U 20,157 huma anzjani ’l fuq minn 65 sena.

    Madankollu hawn min isotni, u jien wiehed minnhom, li l-foqra f’pajjżina huma aktar minn dak li turi l-istatistika uffiċjali.  Imma għal-lum il-punt li rrid nagħmel huwa li iva, f’Malta hawn il-foqra.

    X’nistgħu nagħmlu?

    Hawn uhud jaħslu jdejhom u jippruvaw jipperswadu lilhom infushom li l-foqra jinsabu fiex jinsabu tort tagħhom. Anke jekk dawk li jirraġunaw hekk filgħodu jmorru jitqarbnu. L-appell tal-Papa għal dawn in-nies ma jfisser xejn. 

    Imbagħad hawn ohrajn li jgħidulek li l-karità, l-imħabba bil-provi li tagħti milli l-providenza pprovdietlek biex titma’ lil min hu bil-ġuħ, hija ħaga ta’ stmerrija. Għax hekk, mingħajr forsi ma tirrealizza, tkun qed tipperpetwa s-sistema ekonomika li qed titfa’ n-nies fil-faqar.

    Għalkemm jien nemmen li għandna nagħmlu minn kollox u nieħdu kull azzjoni possibbli biex xi darba jkollna sistema mibnija fuq il-ġustizzja soċjali, sadanittant ma nistax inhares n-naħa l-oħra meta ħuti llum m’għandhomx biex jitrejqu. 

    Biex nagħlaq

    Nagħlaq billi nikkwota silta li tassew laqtitni mill-messaġġ tal-Papa Frangisku għall-ewwel Jum Dinja tal-Foqra.

    “Il-Ġisem ta’ Kristu, maqsum fil-liturġija mqaddsa, insibuh fl-imħabba maqsuma fl-uċuħ u fil-persuni ta’ ħutna l-iżjed dgħajfa. 

    “Huma dejjem attwali l-kelmiet tal-isqof qaddis Griżostmu: ‘Trid tagħti ġieħ lill-Ġisem ta’ Ġesù? Tistmellx l-għera tiegħu; tlibbsux hawn fil-knisja b’ħaririjiet u dehbijiet, u mbagħad tħallih ibati l-għera u l-ksieħ barra mill-knisja’.”

     

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0