Jgħid li din hija skuża biex pajjiżna jitpoġġa fl-iżbarra

  • Nov 16, 2017 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    POLITIKA PARTIĠĠJANA

    Il-politika tibqa’ partiġġjana kull fejn issir. Skont is-sitwazzjoni, il-partiġjaniżmu jieħu surtu. Hekk ġara dil-ġimgħa fil-Parlament Ewropew meta ġiet ivvotata riżoluzzjoni dwar l-istat tad-dritt f’Malta. Effettivament, instabet skuża biex l-iċken pajjiż fl-Unjoni Ewropea, bi gvern li għandu warajh l-akbar appoġġ elettorali fl-Unjoni Ewropea kollha, jitpoġġa fl-iżbarra.

    Favur kien hemm l-akbar grupp: tal-Popolari. Sab f’dan l-eżerċizzju, diversiv għal kif qed ikollu jappoġġja l-gvern tal-Ungerija. L-istess ħaġa tgħodd għall-partit tal-konservattivi li qed jiddefendu l-gvern tal-Polonja. Iż-żewġ gvernijiet qed ikunu kkritikati għal kif qed ikasbru l-istat tad-dritt. Sadattant, il-grupp tal-Liberali sabha ħaġa komda li jirkeb fuq il-ġlieda “favur” l-osservanza tal-istat tad-dritt.

    Mill-partit tal-ħodor u dak tax-xellug estrem, l-għajta sa mill-bidu nett kienet kontra l-pajjiżi mitqiesa bħala ġenna fiskali. Iqisu lil Malta b’waħda minnhom, u allura ż-żewġ partiti għafsu fuq dal-punt biex imexxu l-aġenda tagħhom. 

    Ftit li xejn intwera interess fil-verità tal-fatti. Għalfejn? La kien hemm rappreżentanti Maltin fi ħdan il-grupp tal-Popolari li jisħqu fuq kif l-istat tad-dritt qed jiġi attakkat f’Malta...

    ISTITUZZJONIJIET

    Id-diskors vojt li qed isir dwar kif illum qed jaħdmu tajjeb jew ħażin l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jistħoqqlu jitpoġġa fil-kuntest ta’ kif tħaddmu l-istess istituzzjonijiet matul is-snin ta’ tmexxija Nazzjonalista. Dan mhux diskors psewdo, kif qalilna għaref mill-kamp tal-periti, li xejn ma tmeżmeż minn kif tmexxew l-istituzzjonijiet matul snin twal, bla ebda protesta, e! fi żminijiet oħra.

    Iva, l-istituzzjonijiet ilhom jitmexxew ħażin f’Malta għax min mexxihom baqa’ jaġixxi bl-istil ta’ żewġ rigi u żewġ miżuri; ma’ dan l-istil kien u għadu jitberfel il-qies tal-patrunaġġ, tal-parir biex tħokkli dahrek ħalli meta jasal il-waqt, inħokklok tiegħek... u ta’ kunsiderazzjonjiet simili.

    Il-priedki tal-Luteri tal-lum jibqgħu ma jimpressjonawnix. Qed isiru f’ħafna każi mill-istess nies li sa ftit ilu, kienu jittraffikaw fl-indulġenzi tal-istat.

    KOTBA

    Il-Festivall tal-Kotba l-ġimgħa li għaddiet fil-bini tal-konferenzi tal-Mediterran kien impressjonanti. Ħadt gost inżuru. Kellu attendenza tajba.

    Li donnu naqas, kien sentiment ta’ ħeġġa, ta’ entużjażmu għall-kitba u l-publikazzjonijiet. Deherli li ħafna minn dawk li kienu preżenti, ħarsu lejn il-kotba bħala xi ħaġa li għax qiegħda hemm, trid “iżżurha” – bħalma fl-imgħoddi, ħafna żgħażagħ tal-ġenerazzjoni tiegħi kienu jmorru l-Knisja. 

    Ħadt gost nisma’ publikaturi jinsistu li minkejja l-medja soċjali, bil-mezzi li joffru biex taqra ktieb elettronikament, xorta waħda l-konsumatur għadu jfittex il-ktieb.

    Għal darb’oħra, tqajjem il-punt li biex il-Festivall iqanqal il-folol tal-imgħoddi, jeħtieġlu joħroġ mill-Belt. In-nies xebgħet tqatta’ l-isbaħ siegħa jew aktar tfittex fejn se tipparkja, qabel tista’ tersaq lejn l-ixkafef tal-kotba.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0