Joe Attard - Bniedem li uża ħajtu biex jagħmel id-differenza

  • Nov 21, 2017 09:03
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Joe Attard

    Bniedem li uża ħajtu biex jagħmel id-differenza. U rnexxielu.  Jien mhux miż-Żejtun, u forsi għalhekk nara d-differenza li dan ir-raġel irexxielu jagħmel f’dan il-post.  Post li minn dejjem kellu karatteristiċi sbieħ iżda li għal żmien kellu reputazzjoni ħażina.  Joe bħala Sindku rnexxielu jibni tim qawwi madwaru li bid-direzzjoni tiegħu rnexxielhom ikomplu jżejnu liż-Żejtun u fil-fehma tiegħi rnexxielu jibdel ir-reputazzjoni ta’ dan il-post għall-aħjar.  Mhux biss ħa ħsieb il-post iżda rnexxielu joħloq komunita’.  Illum iż-Żejtun għandu ħajja kultrali li nbiet bil-ħila tiegħu.  Kull min mar iż-Żejtun fl-okkażjoni ta’ Żejt iż-Żejtun ra l-festa kbira li rnexxielu joħloq. Festa li tħabbatha ma’ festi nazzjonali.  

    Iżda aktar minn hekk bena komunita’ soċjali għaliex fi żmienu rnexxielu jibni sens ċiviku u attivitajiet edukattivi biex itejjeb is-soċjeta’.  Żgur li kien wieħed mill-aħjar Sindki li qatt kellha Malta.  L-ispirtu u l-ħila tiegħu mhux biss ħoloq komunita’ ġdida u dinamika iżda rnexxielu joħloq standards li hu diffiċli biex Sindki oħra jilħquh.

    Joe ġie, żera’ u ħalla l-ġid li għad iridu jieħduh ukoll ġenerazzjonijiet oħra.  Ma żerax il-mibegħda, iżda żera’ spirtu fejn kull Żejtuni hu kburi biż-Żejtun li ħalla, fejn hemm spirtu li wieħed jgħin lill-ieħor u b’hekk il-komunita’ timxi ‘l quddiem fil-ġid u t-trankwillita’.

    Biex tiskonġra trid tkun pur

    Il-kwistjoni kollha dwar l-indħil Russu fl-aħħar elezzjoni Amerikana għadha għaddejja.  Minkejja li l-indħil f’elezzjonijiet qatt ma kont naqbel miegħu meta dan ikun ġej minn barra l-pajjiż, din hi kwistjoni li dejjem skantatni.  Ir-raġuni hi waħda.  Jekk hawn pajjiż li ilu jindaħal fl-elezzjonijiet ta’ pajjiżi oħra, dan żgur hu l-Istati Uniti.  Xi ħaġa oħra li tiskantani kif pajjiżi oħra, speċjalment dawk li kellhom imperi, saru sentittivi meta ilhom jafu x’kien qed isir u qatt ma ddejqu li jagħmlu l-istess meta riedu vot imur naħa u mhux oħra.  

    Dan l-indħil mhux issa nħoloq u ilu għaddej żmien twil. Żgur li ilu għaddej mill-ħamsinijiet fejn kien hemm indħil u maniġġjar biex il-pajjiżi tal-Amerika Latina jkunu gvernijiet li jappoġġjaw lill-Amerika.  Dan l-indħil ma kienx limitat għal hemm biss u kienet u għadha politika Amerikana li jappoġġjawha ż-żewġ partiti – sew Demokratiċi u sew Repubblikani.

    Fis-sittinijiet rajna ndħil kbir fl-Afrika biex il-pajjiżi Afrikani li kienu għadhom kemm jieħdu l-indipendenza tagħhom ikollhom gvernijiet li jappoġġjaw lill-Istati Uniti u mhux l-Unjoni Sovjetika.  Fis-sittinijiet zgur li kulħadd jiftakar il-kriżi ta’ Kuba li kienet wasslet biex id-dinja tersaq f’tarf gwerra dinjija u li kieku seħħet kienet tkun katastrofika minħabba l-armi nukleari li kellhom l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika.  

    Jekk nieqfu ftit fuq Kuba, il-Bay of Pigs hi xiehda ċara ta’ ndħil Amerikan biex pajjiż ġirien ma jappoġġjawx la lill-Unjoni Sovjetika u lanqas l-ideoloġija komunista.  Dan l-aħħar kienu wkoll miftuħa d-dokumenti dwar il-qtil tal-President Amerikan JF Kennedy.  Ħaġa li ġiet żvelata hi li dak in-nhar li nqatel il-President Amerikan, kien hemm attentat biex is-CIA toqtol lill-President Kuban Fidel Castro.  

    Naħseb indħil bħal dan qatt ma kien hemm.  

    Anki Malta konna ntlaqatna minn dan l-indħil.  Min jiftakar sew l-elezzjoni tal-erbgħa u sittin, fattur importanti biex il-Partit Laburista ma jirbaħx kienet il-propoganda kbira li kienet saret mill-Knisja u l-partiti li kienu ‘taħt l-umbrella’ tal-Knisja.  Parti sew mill-propoganda ma kinitx dwar is-sitt punti demokratiċi li ried idaħħal il-Partit Laburista, iżda li jekk jitla’ l-Labour, Malta ssir Kuba oħra.  Min kien midħla tal-kamp tal-Umbrella, jiftakar li kull nhar ta’ Sibt filgħodu l-films li kienu jintwerew lill-pubbliku fl-Istitut Kattolku.  Films ta’ propoganda Amerikana, taħt il-kappa tan-NATO, bl-iskop li tissaħħaħ l-idea li l-Labour kien ser jagħmel Malta komunista.  Tajjeb li niftakru wkoll, li dak iż-żmien min kien jitkellem favur il-paċi dinjija, kien meqjus bħala komunist.

    Fis-sebgħinijiet, minħabba n-newtralita’ ta’ Malta u minħabba r-relazzjonijiet maċ-Ċina, kien hemm manuvri mhux ħażin, speċjalment minn ċertu Maltin li kienu ser jibdew kollaborazzjoni qawwija biex jirċievu ‘għajnuna’ ħalli jaħdmu biex jilħqu l-għan tagħhom u jtajru l-Gvern ta’ dakinhar.

    Hu minħabba f’hekk, li bqajt skantat bir-reazzjoni Amerikana.  Biex inkun ġust tajjeb li ngħid ukoll li hemm ħafna pajjiżi oħra li jagħmlu dan.  Tajjeb li ngħid ukoll li ma naqbilx mal-ebda indħil għax dan imur kontra d-demokrazija.  Għalhekk għadni skantat b’dan il-kjass kollu li hemm l-Amerka għax ma tistax tikkundanna lil xi ħadd għal indħil meta int kont u għadek tagħmel l-istess.  U ftakart fil-qawl Malti li biex tiskonġra trid tkun pur!

    Id-Demokrazija

    Mhux l-ewwel darba li ktibt li din hi waħda minn dawk il-kliem l-aktar abbużati.  Kulħadd jagħtiha t-tifsira kif jaqbillu f’dak il-mument.  Nemmen li l-aktar li hi abbużata mil-Lemin.  Biss ix-Xellug lanqas hu verġni.  

    Min għandu ftit memorja jiftakar li fiż-żmien il-komuniżmu, ħafna pajjiżi li kienu jħaddnu s-sistema ta’ komuniżmu sovjetiku, kważi kollha kont issib il-kelma demokrazija fl-isem tal-pajjiż tagħhom.  Minkejja s-sistema anti-demokratika li kienu jipprattikaw kienu jġibu skuża li din kienet xi ħaġa temporanja sakemm is-soċjeta’ tinbidel u issir aktar ugwali u l-isfruttamet li jsir fis-sistema kapitalista jispiċċa.  Biss bħal ma jgħid il-qawl Ingliż, the proof of the pudding is in the eating.  

    Bħal ma dawn il-pajjiżi ma kontx nemmen li jħaddnu d-demokrazija, l-istess insibu pajjżi oħra li ma nemminx li verament għandhom demokrazija.  Jekk insemmu l-Iżrael, personalment ma nemminx li dan jista’ jissejjaħ pajjiż demokratiku.  Veru għandu elezzjonijiet demokratiċi, imma li pajjiż jaħkem pajjiż ieħor jista’ jissejjaħ demokratiku?  Li pajjiż jarresta kif u meta x’ħin irid, għax persuna hi Palestinjana, nistgħu nsejħulu demokratiku?  Nistgħu nsejħu pajjiż demokratiku li jaqbad u jieħu l-artijiet u djar ta’ nies sempliċiment għax huma Palestinjani?  Nistgħu nsejħu pajjiż demokratiku meta fl-artijiet okkupati qed idawwar l-ilma tax-xmajjar lejh u jċaħħad l-ilma lill-pajjiżi ġirien oħra? Nistgħu nsejħu pajjiż li s-suldati tiegħu meta jabbużaw mill-Palestinjani qiesu ma ġara xejn, insejħulu demokratiku?  Li kieku dan ġara għal ftit ta’ żmien, kont tista’ ġġib skuża li dan ġara minħabba ċ-ċirkostanzi, imma issa dawn l-affarijiet ilhom jiġru għal aktar minn nofs seklu.  Filwaqt li nikkundanna dak li għaddew il-Lhud minnu tul l-aħħar gwerra dinjija u l-anti-semitiżu li hawn speċjalment meta kull ħaġa ħażina li hawn fid-dinja nwaħħluha fil-Lhud, ma nistax ma nikkundannax ukoll l-imġieba tal-Iżrael lejn il-Palestinjani.

    L-istess, nistgħu nsejħu lis-Sawdi Arabja bħala pajjiż demokratiku, meta hu maħkum minn familji u li għalkemm bdiet dieħla ftit demokrazija, xorta mhux demokratiku.  Ma tantx irridu nħarsu fil-fond biex nittendu li ma hemmx demokrazija meta n-nisa huma mċaħħda minn daqshekk drittijiet u ugwaljanza.  Biss min-naħa l-oħra,  trid tħalli lil dawn il-pajjiżi jiżviluppaw waħedhom u ma tużax l-iskuża tad-demokrazija biex tasal għall-iskopijiet stratetiġi u ekonomiċi tiegħek.  Dan hu metodu li ntuża mill-pajjiżi tal-Punent inkluża l-Ewropa u barra li farrakna pajjiżi sħaħ ħloqna gwerer bħal ma ġara fil-Libja, l-Iraq u s-Sirja u ħloqna mewġa kbira ta’ refuġjati li wara kollox ġew wara biebna.  

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0