POLARIZZAZZJONI... OPPOŻIZZJONI... ŻIMBABWE

  • Nov 23, 2017 15:59
  • Miktub minn Alfred Sant

    POLARIZZAZZJONI

    Veru li d-diskors politiku f’pajjiżna reġa’ ġie polarizzat bil-kbir fl-aħħar ġimgħat. Ta’ min hu t-tort m’inix se ngħid hawn, għalkemm m’għandix dubju ta’ min hu.

    Għext fi żminijiet oħra fejn kien hawn polarizzazzjoni qawwija u allura nista’ nqabbel. M’aħniex f’li qed jiġri, nsegwu l-fasla ta’ qabel fil-mod kif induru kontra xulxin,bl-argumenti u ġieli b’modi oħra.

    Veru li l-midja soċjali qed iħawdu l-bigħa. Issegwi lilhom u lil dak li qed jinkiteb fil-ġurnali, fuq il-karta stampata jew bil-mezzi elettroniċi, tasal biex tqis li se jinqabeż kull limitu fil-mod kif il-Maltin qed jisħnu għal xulxin.

    Biss imbagħad, meta tiġi biex titkellem wiċċ imb’wiċċ man-nies, issib li l-qigħa hi ħafna aktar kalma milli kont wasalt biex tifhem. Qabel, fil-kriżijiet l-oħra ta’ polarizzazzjoni, ta’ spiss kont issib li wiċċ imb’wiċċ, il-konfront kien ħafna aqwa milli ssibu fil-midja. Did-darba, le.

    Forsi għalhekk li skont l-stħarriġ ta’ opinjoni pubblikat, il-gvern żied mhux naqqas mill-fiduċja lejh fost il-poplu?

    OPPOŻIZZJONI

    L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tilfet wisq żmien biex tissettja l-istrutturi ġodda tagħha wara t-telfa elettorali. Hi ħaġa ċara ta’ min hi l-ħtija imma għalfejn noqgħod nikkummenta fuq hekk?

    Min-naħa l-oħra hu fl-interess nazzjonali li jkun hawn Oppożizzjoni magħquda u kostruttiva. Nittama li l-kondizzjonijiet biex dan l-għan jintlaħaq issa nstabu, indipendentement minn x’fehmiet wieħed jista’ jkollu dwar il-mexxejja l-ġodda. Quddiemhom għandhom sfida iebsa. Biss fil-politika, dejjem ikun żball li tissottovaluta l-potenzjal biex min ikun minn taħt, jirnexxielu jitla’ fil-wiċċ.

    Li nemmen hemm bżonn biex dan jiġri hu li l-Oppożizzjoni tqis strateġiji oħra minn dik li fl-aħħar xhur ħaddnet. Għadhom jidwu f’widnejja s-sejħiet patetiċi fil-plenarja tal-Parlament Ewropew tad-deputati Nazzjonalisti lis-sala: Għinuna! Salvawna!

    Kienet tattika ta’ min qata’ qalbu li għad jasal iż-żmien meta se jkun jista’ jmexxi l-pajjiż.

    ŻIMBABWE

    Il-waqa’ ta’ Robert Mugabe fiż-Żimbabwe kienet imħarrka ħafna. Sorprendenti fil-mod kif ġrat mil-lum għal għada.

    Biss toqgħod tħammem dwar il-biċċa, forsi mhi xejn sorprendenti. Mugabe fiż-żmien twil li dam fil-kariga żgur kellu jagħmel ħafna maniġġi biex isostni l-pożizzjoni tiegħu. Matulhom żgur ukoll li żied fl-għedewwa u fil-ħbieb foloz. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar hu kien se jispiċċa żgur mill-poter tiegħu li jista’ jagħmel kollox, waqt li jinduna anqas u anqas li ta’ madwaru qed jikkalkolaw kif l-aħjar jistgħu jwarrbuh.

    Imbagħad jieħu deċiżjoni li tidhirlu qawwija u f’waqtha. Id-digi jinfaqgħu.

    L-aktar li jgħaġġibni fl-imġiba ta’ mexxejja bħal Mugabe hi dir-rieda biex posthom iħalluh lil xi membru tal-familja tagħhom. X’sens jagħmel dan?

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0