IL-ĠUDIZZJU TAL-KUMMISSJONI

  • Nov 27, 2017 09:21
  • Miktub minn Alfred Sant

    IL-ĠUDIZZJU TAL-KUMMISSJONI

    Mill-ġdid, fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-andament tal-ekonomija Maltija, il-Kummissjoni Ewropea tat ġudizzju aktar minn sodisfaċenti. Malta qed tlaħħaq mal-miri ssettjati għall-pajjiżi membri taż-żona ewro mill-Patt għall-Istabbiltà u t-Tkabbir (Ekonomiku). Qed issostni r-rankatura tat-tkabbir tagħha. F’perspettiva medja ta’ żmien, dil-ħaġa tsta’ tkompli.

    Kull rapport li toħroġ Il-Kummissjoni jrid ikollu xi kummenti ta’ natura kritika. Fil-każ ta’ Malta, dawn jinħassu bħala tqanżiħa. Saru biex saru.

    Fl-istess żmien li l-Kummissjoni ppubblikat il-ġudizzju dwar Malta (f’eżerċizzju li tlesta għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea), il-Fond Monetarju Internazzjonali ħareġ l-abbozz tal-konklużjonijiet tiegħu dwar it-tmexxija ekonomika Maltija. Ftit hemm differenza bejn li qal il-Fond, u li semmiet il-Kummissjoni.

    Rari – jekk mhux qatt – kellna kunsens internazzjonali daqshekk wiesa’ dwar it-titjib fit-tmexxija ekonomika. Naħseb li hu bla preċedent.

    Għandna nieħdu gost kbir b’dan. Lanqas għandna nħalluh jagħlqilna għajnejna għal fejn u kif l-affarijiet jistgħu jitjiebu, u dwar x’jistgħu jkunu l-problemi fil-futur.

    SOĊJETÀ ĊIVILI

    Is-soċjetà ċivili f’pajjiżna sabet li min jippromwoviha bil-kbir. Qatt ma dehret attiva daqs illum.

    Qed naraw lil min kien attiv b’mod partiġġjan u tesserat fil-PN, anzi assistent gwapp ta’ ministru Nazzjonalista, jippromwovi ruħu bħala paladin tas-soċjetà ċivili. L-istess lil min qaleb għal mal-PN u llum qed jimmilita fih. Nies li qed jippreżentaw ruħhom bħala s-soċjetà ċivili u attivi fiha, bdew il-ħidma tagħhom matul l-aħħar kampanja elettorali imma jinsistu li jibqgħu anonimi. 

    B’dir-rata, is-“soċjetà ċivili” se tispiċċa patroċinata minn dawk li jridu jkomplu bil-kampanja elettorali li tilfu bil-kbir sitt xhur ilu.

    Sadattant, membri tas-soċjetà ċivili li ilhom jistinkaw ma nafx kemm, bħall-movimenti favur l-ambjent, twarrbu.  Qed naraw “soċjetà ċivili” stramba tieħu l-forma.

    JOE ATTARD

    Kien bniedem ta’ ftit kliem, imma li ried igħid, kien jgħidu b’determinazzjoni. Kien jinsisti li proġetti miftehma, jitwettqu bis-serjetà u bla tnikkir. Kien dejjem juri ruħu lest biex imur fuq quddiem nett, jistinka bil-goff ħalli dak li jkun issensel, jitħaddem bil-kbir.

    Kellu leatajiet ċari. Lejn Malta. Lejn pajjiżu ż-Żejtun. Lejn il-Partit (u l-gvern) Laburista. Lejn il-kunċett tat-tmexxija lokali. 

    Matul is-snin, iltqajt ma’ numru ta’ nies li kienu jafuh qabli. Qaluli kif irnexxilu jispirahom, bħala edukaturi, bħala attivisti kulturali, bħala organizzaturi ta’ ħidmiet governattivi jew volontarji.

    Sirna midħla ta’ xulxin daqs ħamsa u tletin sena ilu. Ammirajt il-mod kif kien jagħraf il-qofol ta’ suġġett u jressaq minnufih lejn konklużjoni ċara dwaru.

    Minnufih għedt: ma’ Joe tista’ taħdem. Hekk għamilna, ħdimna flimkien b’rispett reċiproku li ma qata’ qatt. L-aħbar ta’ mewtu kienet daqqa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0