Garaġ bħala mudell?

  • Diċ 04, 2017 08:40
  • Miktub minn Alfred Sant

    Nammetti li ma tantx insibu attraenti l-mudell li qed jiġi propost għall-iżvilupp futur ta’ Malta. Ma narax kif tista’ tkun perspettiva stabbli, dik li biha l-prosperità u t-tisħiħ tal-pajjiż isiru dipendenti minn mewġ ta’ ħaddiema barranin li jiġu jqattgħu numru limitat ta’ snin; jikkontribwixxu bis-snajja u t-tagħrif tagħhom għall-ħidma fil-gżira; u jitilqu f’qasir żmien waqt li oħrajn jeħdulhom posthom.

    Hu mudell li jixbah l-arranġament ta’ garaġ kummerċjali, anzi ta’ stabbiliment għall-parking fejn in-nies tħalli l-karozza għal lejl jew ftit sigħat.

    Se jkun hemm min jgħid kif  dan hu mudell ftit different mill-qasam tat-trasbord tal-vapuri li qabad tajjeb fostna u qed iħalli ħafna ġid. 

     Le, hemm differenza: fit-trasbord, il-valur qed jinħoloq f’Malta billi min jiġi jipparkja hawn, isib min jiġborlu b’mod effiċjenti l-merkanziji ħalli jindirizzahom lejn id-destinazzjonai finali tagħhom.

    ***

    NUQQASIJIET

    Il-kwistjoni ta’ x’mudell ta’ żvilupp se naddottaw għall-futur bilfors titqies aktar akuta meta nqisu ċerti żbilanċi li qed jiżdiedu jew jippersistu fil-formazzjoni taċ-ċittadini tagħna. Dawn joħorġu kemm fl-istrutturi edukattivi u f’dawk tas-suq tax-xogħol u tad-demografija fir-rigward ta’ ċittadini Maltin. Meta tqabbel mal-medji Ewropej, issib li:

    Għad għandna wisq tfal u żgħażagħ li qed jitilqu kmieni mill-iskola bla ma jkunu laħqu standards akkademiċi u tekniċi adekwati.

    L-edukazzjoni vokazzjonali waqgħet lura u ftit wisq qed isegwuha sal-aħħar.

    Għandna wisq nies jaħdmu direttament jew indirettament mas-settur publiku.

    Dalwaqt, se jkollna maġġoranza ta’ ċittadini li jistgħu jiġu klassifikati bħala anzjani.

    F’dal-qafas, il-mudell “garaġ” ta’ żvilupp jista’ jsir ukoll perikoluż.

    ***

    IL-VERITÁ

    Rajtu bħala u-tube minn darba għall-oħra. Imma “Il-Veritá” tad-direttur Henri George Clouzot, hu melodramm qawwi, maħdum b’maestrija u jżommok sal-aħħar. Imtella’ fis-sena 1960 meta għamel furur kbir, jibbenefika minn wirjiet eċċellenti ta’ tista’ tgħid l-atturi kollha. Huma fost l-aqwa artisti Franċiżi ta’ dak iż-żmien, b’fuq quddiem nett Brigitte Bardot, u magħha Samy Frei u Marie Jose Nat.

    Bardot għandha l-parti prinċipali ta’ Dominique li titressaq ġuri akkużata bil-qtil tal-maħbub tagħha Gilbert li jaħbat ukoll l-għarus ta’ oħtha. Insegwu x’jiġri fil-qorti bil-battibekki bejn il-prosekuzzjoni li tinsisti kif il-qtil sar għal tal-apposta, u d-difiża li tinsisti li twettaq f’furja tal-mument. Il-battibekki bejn l-avukati jeħduna lura fi flexbekks imħarrka, maħduma ġieli bla nifs, lejn l-istorja ta’ kif Dominique/Bardot telqet minn dar missierha lejn Pariġi u l-ħajja tagħha hemm.

    Jidher li meta l-film kien qed jinġibed, il-kumplikazzjonijiet li nqalgħu bejn l-atturi żiedlu fil-pubbliċitá. F’ħin minnhom, Bardot ipprovat tagħmel suwiċidju, l-istess kif tagħmel Dominique fit-tmiem tal-film.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0