POPULIŻMU... PROPOSTI GĦAŻ-ŻONA EWRO... PALESTINA

  • Diċ 11, 2017 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    POPULIŻMU

    Il-populiżmu jibbaża ruħu fuq tifsira eżaġerata tar-realtà li minnha mbagħad jislet miżuri li jinħassu sempliċi u effettivi, imma li filfatt iħawdu l-bigħa, mhux iħolluha. Hekk smajt ħafna nies ta’ rieda tajba fuq ix-xellug (u biex inkun onest, ukoll fuq il-lemin) ifissru dal-fenomenu tal-populiżmu li qed jinkwieta bil-kbir.

    Biss imbagħad l-istess nies jidhruli li qed jimxu bl-istess prattika li dwarha jikkundannaw lill-populisti, f’oqsma li għal raġuni jew oħra, jikkonċernawhom bil-kbir. Per eżemju fil-qasam tat-taxxi.

    Issa hu minnu li kif żvelaw id-diversi skandli li skattaw fl-aħħar snin, hemm xmara ta’ fondi li jistgħu jiġu ntaxxati u li qed jiskansaw minn hekk. Imma li ssostni li dil-ħaġa qed tpoġġi l-aqwa xkiel għall-ġustizzja soċjali fl-Ewropa, jew xi ħaġa simili, mhuwiex kredibbli. Kif mhumiex kredibbli s-soluzzjonijiet “faċli” li qed jiġi proposti bl-akbar qawwa.

    Hekk kif joqorbu l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, se jkomplu jiżdiedu l-ħidmiet ta’ dawk li fil-partiti Ewropej tradizzjonali ma jsibu l-ebda problema f’li jkunu populisti “tat-taxxi”.

    PROPOSTI GĦAŻ-ŻONA EWRO

    Il-“pakkett” ta’ proposti għal riformi taż-żona ewro, li l-Kummissjoni Ewropea ressqet il-ġimgħa li għaddiet, jagħti xhieda ta’ ħsieb fil-fond u ċerta riżerva. Il-proposti joffru bilanċ prudenti bejn dak li jista’ jsir, dak li għandu jsir u dak li jista’ jitħalla jsir. 

    M’hemmx għalfejn ngħidu wkoll, fejn issib ix-xoqqa f’moxtha, l-Kummissjoni tara kif se tiġbed għal xawwatha. Dan jinħass l-aktar fil-proposti dwar kif għandhom jiġu mfassla d-dmirijiet ta’ min jista’ jissejjaħ “il-ministru tal-finanzi” taż-żona ewro. B’mod jew ieħor f’din it-tifsila, il-Kummissjoni tispiċċa tirbaħ rwol aktar qawwi fit-tmexxija tal-ewro.

    Nissuspetta li l-Kummissjoni Ewropea tant ħadmet il-proposti tagħha bil-għaqal, jew forsi aħjar, b’makakkerija... li aħjar wieħed jistenna ftit ieħor qabel jikkumenta wisq ħalli qabel, jifhem aħjar sa fejn il-Kummissjoni trid twassal il-mira tagħha.

    PALESTINA

    Id-deċiżjoni tal-President Trump li jiddikjara li se jirrikonoxxi Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael hi waħda mill-aktar deċiżjonijiet irresponsabbli li qatt ittieħdu mit-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn. 

    La tirrifletti l-ħtieġa ta’ riga morali fil-mod kif nevalwaw il-konflitt dwar il-Palestina u d-dmir tal-komunità internazzjonali li tħares l-interess tal-poplu Palestinjan. U lanqas, fil-fehma tiegħi u minkejja li qal Trump, mhi tqis b’serjetà xinhu l-interess Amerikan.

    Il-poplu Palestinjan jixraqlu kull appoġġ fl-isforzi li għandhom jibqgħu jsiru għal soluzzjoni tal-konflitt dwar il-Palestina li jissejjes fuq il-kunċett ta’ żewġ stati ugwali u ħielsa.

    Dwar dan, l-appoġġ tal-Ewropa, u ta’ Malta, għandu jibqa’ sod.

    L-interess Amerikan jitlob li l-Istati Uniti jibqgħu ħbieb tal-Palestinjani, tad-dinja Għarbija u tal-komunità Iżlamika mad-dinja kollha.   

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook