Indipendenza jew dipendenza

  • Diċ 13, 2017 19:03
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Ftit tax-xhur ilu kien ħareġ rapport mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni fejn kien dar dawra ma’ dak li jistennew il-ġenituri ta’ tfal li jkunu jbatu minn xi kundizzjoni bħal dyslexia u dak li qed isir biex jgħin lil dawn it-tfal jimxu fis-sistema edukattiva.  

    Jekk kien hemm ħaġa li jidher li hemm qbil bejn il-ġenituri ta’ dawn it-tfal u dawk li qed jipprovdu l-edukazzjoni hi li dawn it-tfal għandhom bżonn li jagħmlu l-edukazzjoni taħt kundizzjonijiet differenti minn tfal oħra.  Kollox dar mal-eżamijiet.  Dan  għaliex fis-sistema tagħna dawk l-istudenti li jridu jaslu sal-universita’ jridu jgħaddu minn sensiela ta’ eżamijiet .  Huma biss dawk li jgħaddu mill-eżamijiet li jaslu u jistgħu jkomplu biex joħorġu b’suċċess mis-sistema tagħna.  

    Il-kundizzjonijiet li studenti li jbatu minn kundizzjoni, jistgħu jingħataw numru ta’ konċessjonijiet waqt l-eżami.  Dawn jistgħu jkunu per eżempju, li dawn l-istudenti jingħataw aktar żmien minn studenti oħra biex ilestu l-karti tal-eżamijiet.    

    L-argument li ġeneralment jinqala’ bejn il-ġenituri u dawk li jmexxu l-eżamijiet hu dwar kemm minn dawn il-kundizzjonijiet għandhom jingħataw.  L-argument jinqala’ wkoll dwar jekk dawn l-istudenti jistgħux jinħelsu minn xi ħtiġiet biex jidħlu l-Universita’ ta’ Malta bħall-ħtieġa li jgħaddu mis-SEC tal-Malti.  Fuq dan tal-aħħar diġa’ ktibt l-opinjoni tiegħi u għalhekk mhux ser nikteb dwaru.

    Personalment nemmen li din l-istrateġija minflok tagħmel lil dawn l-istudenti indipendenti u b’ħila biex ilaħħqu mal-istandards aċċettabli tal-lum, qed titfa’ lil dawn l-istudenti aktar dipendenti.  Dan għaliex din l-istrateġija tagħmel lil dawn l-istudenti jiddependu fuq konċessjonijiet.  

    Dawn l-istudenti bl-istrateġija preżenti jista’ jkun li nwassluhom biex jgħaddu mis-sistema edukattiva b’suċċess.  Iżda din is-sistema li qed tintuża għal dawn l-istudenti mhux biss tagħmilhom dipendenti iżda tnaqqsilhom il-fiduċja fihom infushom.  Mhux hekk biss, dawn l-istudenti meta ser jispiċċaw mis-sistema edukattiva ser jiffaċċjaw problema akbar.  

    Dan meta jidħlu fis-sistema tax-xogħol. Ir-raġuni hi li l-ebda employer mhux ser jagħti konċessjonijiet u jistenna mingħandhom daqs kemm jistenna minn ħaddieħor.  

    Naħseb li soluzzjoni tinstab billi nħarsu lejn dawk ‘mingħajr problemi’.  Biex żgur niftehmu m’hawn ħadd li hu mingħajr problemi għax kulħadd il-ħin kollu jiffaċċja xi problema biex jgħaddi mis-sistema edukattiva.  Kull student jekk iħares lejh innifsu ser isib li għandu dawn il-problemi kollha.  Id-differenza hi l-livell tal-kundizzjoni.  F’dawn l-istudenti l-livell ta’ dawn il-kundizzjonijiet tkun ħafna anqas u għalhekk ma toħroġx daqshekk qawwija.  Biss xorta jkollhom dawn il-problemi li jtellfuhom.  Li jagħmlu dawn l-istudenti hu li jsibu strateġija biex jegħelbu dawn id-diffikultajiet u mhux jiddependu fuq konċessjonijet.

    Biex niftehmu. Dawk l-istudenti li għandhom kundizzjonijiet qawwija għandhom bżonn l-għajnuna u din għandha tingħata.  Din l-għajnuna trid tkun indirizzata biex insibu strateġiji għal kull tifel u tifla minn dawn biex minkejja dawn il-kundizzjonijiet xorta jkunu jistgħu jlaħħqu mal-istudju iżda jlaħħqu mal-aqwa studenti.  

    Naf li mhix xi ħaġa faċli għaliex l-istrateġija għal kull student trid tkun differenti.  Biss hi possibbli u nemmen li għandna naħdmu għaliha.

    Jekk jirnexxilna nagħmlu dan lil dawn l-istudenti nġibuhom daqs ħaddieħor u nagħtuhom self-esteem li kull bniedem għandu bżonn biex jimxi b’suċċess fil-ħajja.  

    Barra minhekk lil dawn insalvawlhom ħafna spejjeż li jkollhom jiffaċċjaw.  Dan għaliex biex dawn l-istudenti jieħdu xi konċessjoni ħafna drabi jkollhom iħallsu flejjes kbar biex juru ċertifikati li qed ibatu b’xi kundizzjoni u jkunu eliġibbli għal konċessjonijiet.  Dawn il-flejjes ikunu jistgħu jintużaw biex ngħinu lil dawn l-istudenti b’mod sensibbli u sostenibbli u nwassluhom biex ikunu indipendenti.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook