JISKANTAWNI... KEBAB... HALLIDAY

  • Diċ 18, 2017 08:35
  • Miktub minn Alfred Sant

    JISKANTAWNI

    Jiskantawni dawk in-nies li f’daqqa skoprew kemm hemm xi tgħid dwar il-ħażin u t-tajjeb tas-servizzi finanzjarji, tal-ewwel l-aktar. Matul is-snin, kont nistagħġeb kif ħadd ma kien jara l-ebda problema bl-espansjoni kbira li dawn is-servizzi għaddew minnha. Jien fil-bidu kont xettiku biex ma ngħidx kważi ostili lejhom. Biss, la kulħadd qieshom bħala xi ħaġa tajba, u spiċċaw jipprovdu daqstant impjiegi, trid tara kif tħarishom.

    Bl-istess mod, is-settur tal-imħatri bl-internet: fi ftit snin, spiċċajna l-Atlantic City tal-imħatri bl-internet fl-Ewropa. Pereżempju, sibtha stramba kif il-Knisja qatt ma qalet xejn dwarhom. L-ekonomija tal-imħatri, jsiru kif isiru, ma sseddaqx il-ġabra fost il-familji. 

    Madankollu, fl-aħħar ġimgħat, qamu twissijiet u riżervi. Jekk dan ġara għax Ewropej bdew jikkritikawlna s-servizzi finanzjarji Maltin, il-biċċa ftit tirrifletti tajjeb fuq min kien sieket u stenbaħ issa.

    KEBAB

    Għadni dubjuż dwar jekk ivvotajtx tajjeb fil-Parlament Ewropew biex jitneħħew il-fosfati mill-kebab li tixtri fir-ristoranti popolari. Din l-ikla hi waħda mill-preferiti tiegħi, jekk mhux l-aktar waħda. Nifhem li m’inix waħdi f’dan.

    Inżammu protesti wiesgħa mal-Ewropa kollha kontra l-miżura ta’ projbizzjoni. Għamluhom is-sidien tal-eluf ta’ ħwienet żgħar li jservu l-kebab, imma mhux biss. Qalu li mingħajr il-fosfati mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jservu l-ikel. 

    Il-fosfati jintużaw fil-prodott maħdum fil-fabriki u mwassal iffriżat fil-ħwienet biex iżomm il-laħam niedi. Rapporti mediċi u ambjentali jgħidu li huma ta’ dannu għas-saħħa tal-bniedem. Bħas-soltu, hemm rapporti oħra li juru li mhux hekk.

    Fuq kwistjonijiet ta’ saħħa u ambjent, is-soċjalisti u d-demokratiċi fil-PE jieħdu pożizzjoni kemm jista’ jkun “progressiva”. F’dal-każ, din kienet tfisser li naqblu mal-projbizzjoni tal-fosfati. Ivvotajt f’das-sens. Il-projbizzjoni ma għaddietx. 

     Bejnietna, ma għalejtx.

    HALLIDAY

    F’Pariġi fl-aħħar ġimgħat, inżammet konferenza importanti dwar il-ħarsien ambjentali miż-żieda fit-temperatura tad-dinja, li diġà qed taffettwa ħażin il-klima. Il-konferenza ngħatat attenzjoni kbira mill-President Macron, il-gvern Franċiż u l-midja. 

     Imma fl-istess ħin, l-akbar kjass tqanqal dwar il-mewt tal-kantant Johnnie Halliday, stilla tad-divertiment Franċiż, fl-età ta’ 74 sena.

    Dejjem stagħġibt bil-popolarità enormi li gawda fi Franza kważi tul il-karriera kollha tiegħu. Fid-dinja “anglo-sassuna” ftit kienu jafu bih. Dan waqt li fuq l-istil u l-kanzunetti li kien jiddeleletta bihom, l-influwenza Amerikana kienet ċarissima. Anzi għal snin twal, Halliday kien donnu jimportah l-aktar minn jekk hux qed jimita tajjeb lil Elvis Presley. Dawn il-kwalitajiet mhux soltu jsibu suċċess fi Franza.

    Il-funeral ta’ Johnnie kien avveniment nazzjonali. Bil-barka tal-gvern tħejjiet purċissjoni impressjonanti ta’ motoċiklisti li nġabru biex jagħtuh qima u jeskortawh  sat-tluq tiegħu lejn difna privata.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0