Faqar... Safar... Rigali

  • Diċ 25, 2017 10:12
  • Miktub minn Alfred Sant

    FAQAR

    Jekk qed nifhem tajjeb l-aħħar stqarrijiet li saru publikament dwar il-faqar f’Malta, jidher li l-firxa tiegħu naqset. Imma nħolqu każi fejn il-problema saret intensa ħafna aktar minn qabel. Intqal ukoll li minkejja li fostna ssib ħafna li jgawdu ħajja “ta’ sinjuri”, żdiedet id-differenza bejn min hu paxxut sew u min hu l-aktar nieqes.

    Iqum is-suspett li mhux il-faqar kollu hu r-riżultat ta’ sfortuna fil-ħajja, għalkemm dil-ħaġa ma tistax twarrabha. Biss jista’ jkun hemm forom ta’ imġiba u ta’ aspettattiva fost saffi tas-soċjetà li inevitabbilment inibbtu l-kondizzjonijiet tal-faqar. Fosthom insibu l-antipatija lejn l-iskola jew dipendenza “żejda” fuq is-servizzi soċjali tal-istat. 

    Il-faqar mhu aċċettabbli fl-ebda forma u fost l-ebda kategorija tas-soċjetà. Jekk elementi kulturali jibqgħu jagħtuh ir-riħ, l-ebda soċjetà – tkun kif tkun organizzata – mhi se tasal biex teqirdu għal kollox.

    SAFAR

    Ir-revoluzzjoni fid-drawwiet li daħħlu l-linji tal-ajru “low-cost” għadha miexja. Is-safra qasira li ssir aktar ta’ spiss mis-safar “tas-sajf” “fit-tul” invadiet il-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

    Ma neħduhiex bi kbira jekk dawn il-festi ma jibqgħux aktar – kif kienu sa ftit ilu – okkażjonijiet ukoll biex il-familji jiltaqgħu. Jekk se jkunu mqassma bejn Londra, Disneyland, Venezja u Kreta, jistgħu jsibuha diffiċli biex jiltaqgħu f’jum li jgħodd għal kulħadd. 

    It-tqassim tar-rigali lit-tfal u s-simboli li jmorru miegħu – Father Christmas innifsu – ikollhom jieħdu sura differenti minn tal-bieraħ. Bilfors, jekk il-laqgħat għall-festi tal-Milied bejn familji jibdew isiru permezz ta’ Skype jew Messenger.

    RIGALI

    L-użanzi li nsegwu biex nagħtu rigali lil xulxin fil-Milied ifakkru bil-kbir  fir-ritwali li skont studji famużi, membri ta’ tribujiet “primittivi” f’artijiet imbiegħda jħaddmu meta jiġu biex jagħmlu offerta lil sħabhom fl-istess tribu, membri ta’ tribujiet oħra, jew l-antropologi li ġew jistudjawhom. 

    Kull rigal għandu s-sinjifikat tiegħu, skont min qed jagħtih, lil min qed jagħtih u skont ir-raġuni għala qed jagħtih. Fuq kollox, rigal hu liem’hu, jingħata mhux bħala għeluq ta’ rabta bejn tnejn, imma b’kontinwazzjoni tagħha. Ir-relazzjoni se tkompli tiżviluppa waqt li tibqa’ ġġib magħha obbligi u apprezzamenti bejn min bħalissa qed jagħti, u min qed jirċievi.

    F’dan it-tpartit, bil-wasla tal-internet u l-offerti ta’ rigali li jipproponilek, saret ħaġa aktar faċli li dan l-iskambju pjuttost komplikat, jitkejjel fi flus. Vouchers tal-Amazon, Ryanair u l-elf sit li joffru mod faċli kif tagħti rigal bla ma titniffes minn darek, żgur qed jagħmlu l-ħajja faċli għall-antropologi li jitħajru jaraw kif iċ-ċiviltà moderna turi progress fuq it-tribujiet Neolitiċi.

    Nixtieq: Milied hieni lil kulħadd.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook