L-EWWEL NOFS

  • Diċ 28, 2017 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    L-EWWEL NOFS

    Matul l-ewwel nofs ta’ dis-sena li waslet għal tmiemha, Malta tat wirja tajba sew bħala President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Kienet ħidma komplikata li ħafna ħasbu li l-gvern ma kienx se jlaħħaq magħha minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż.

    It-tħejjijiet li saru biex id-dmirijiet li se jinqalgħu jkunu ttrattati kif imisshom kienu metikolużi u serji mill-bidu sal-aħħar. Ir-riżultati dehru ċari. Anke f’oqsma fejn Malta ftit għandha esperjenza jew familjarità, ix-xogħol li kellu jsir twettaq b’ħila teknika.

    Mill-bidu nett, jien qiest li dan kien eżerċizzju fejn il-pajjiż ħtieġlu juri ruħu kompetenti imma li s-suċċess mhux se jinżamm favurik wara; kulħadd se jinsieh. Mentri l-falliment jissarraf f’mazzra li żżommok ’l isfel. Jibqa’ l-imperattiv li toħroġ b’suċċess. Hekk għamel il-gvern Malti.

    Anke jekk das-suċċess iddgħajjef malajr fil-memorja, jixraqlu li jiġi mfakkar. U fuq quddiem nett dawk l-għexieren ta’ diplomatiċi, burokratiċi u tekniċi Maltin, ħafna minnhom żgħażagħ, li fit-tmexxija tal-materji li qamu għad-diskussjoni, kienu lesti u fiduċjużi.

    CRANE

    Kont wieħed minn dawk li bla riżervi, faħħru l-wasla tal-kumpanija Crane f’Malta bil-proġett li jwaqqfu fabrika ġdida li tipproduċi l-karti tal-flus.

    Kemm ilna li dħalna fl-Unjoni Ewropea, kif ipprevedejt, l-industrija f’pajjiżna qalgħet diksata; naqset kważi bin-nofs. Li jersaq lejna investiment bħal tal-Crane kien xi ħaġa tassew mixtieqa. Kienet ovvja li dan seta’ ġara biss jekk il-gvern joffri lill-kumpanija Amerikana kondizzjonijiet vantaġġjużi.

    Madankollu, l-aħbar li Crane inbiegħet lil kumpanija oħra bilfors iqajjem riżervi. Mhux għall-fatt tal-bejgħ, daqskemm għall-ispjega dwar x’ġara, spjega li ma ġietx miċħuda. Qalulna: Il-bejgħ deher tassew interessanti għall-kumpanija Amerikana li “belgħet” lil Crane għax bil-ftehim li din għamlet f’Malta, il-valur tagħha tela’ wisq aktar milli juru l-kontijiet awditajti.

    X’inhu jiġri? Biex insostnu industrija ġdida fostna, issa li ninsabu membri tal-Unjoni Ewropea, se jkollna nsostnu l-investimenti minn barra b’“sussidji” li huma għolja żżejjed?

    IL-KATALUNJA MILL-ĠDID

    Fil-Katalunja, iċ-ċittadini vvotaw. Id-deċiżjoni tagħhom hi dik li hi. Maġġoranza urew fehma favur l-indipendenza tar-reġjun. Jien li minn barra, ma narax li din hi deċiżjoni siewja, naqbel li r-rieda tal-poplu kif espressa b’mod demokratiku, trid tiġi rispettata.

    Nara li t-tattika li segwa l-Prim Ministu Rajoy u l-partit tiegħu tal-Popolari, ġiet sfiduċjata bil-kbir. Hemm bżonn ta’ bidla radikali fl-atteġġjament tal-gvern Spanjol. 

    Nifhem li l-qagħda li ħadet l-Unjoni Ewropea mhijiex sostenibbli. Min-naħa din tippriedka favur il-valuri “Ewropej” li jinkludu l-istat tad-dritt u l-ħelsien tal-popli biex jiddeċiedu kif se jitmexxew. U mill-oħra tinħeba meta trid, wara skużi legalistiċi biex tinjora xinhi l-volontà tal-popli.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook