ELEZZJONIJIET FL-ITALJA

  • Jan 08, 2018 08:33
  • Miktub minn Alfred Sant

    ELEZZJONIJIET FL-ITALJA

    L-elezzjoni fl-Italja hi stazzjon ieħor fil-mixja demokratika Ewropea li ma jistax jinqabeż. Minħabba l-kwistjonijiet li qed iqajjem fl-għażliet quddiem il-pajjiż... dwar l-ewro fost affarijiet oħra, kif ukoll dwar il-futur tal-għaqda Ewropea... qed jitqies bħala sfida li ma tistax titwarrab qabel jitqiesu deċiżjonijiet ewlenin Ewropej li ilhom pendenti. 

    Imma l-istess ħaġa ġrat fix-xhur ta’ qabel dwar l-elezzjonijiet Spanjoli, Franċiżi u Tedeski. Terġa’, ir-riżultati elettorali Ġermaniżi għadhom sal-lum jissarrfu f’inċertezzi dwar lejn fejn il-piż politiku ta’ dal-pajjiż se jiġbed.

    Uħud qed isostnu li ma jistax ikun li deċiżjonijiet dwar l-għażliet futuri tal-Ewropa jibqgħu minn sena għal sena jiddependu mit-tbandil tal-kalendarju elettorali tal-pajjiżi Ewropej. Kull darba, dan qiegħed itaqqal, jekk mhux iwaqqaf, il-proċess li jressaq lejn deċiżjonijiet ewlenin.

    L-alternattiva biex il-problema tingħeleb, tkun arranġament fejn il-kalendarji elettorali f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea (jew kważi) jitpoġġew fuq l-istess ritmu. Ħadd sa issa ma ħareġ bi proposta bħal din.

    KOMPLUT

    Dnub li f’pajjiżna, nistinkaw kemm nistinkaw biex norganizzaw il-proġetti kbar u komplikati b’galbu, qatt ma jirnexxilna f’hekk sa meta jkunu kompluti. Dan jgħodd għas-settur privat daqskemm għall-publiku. Rajna dil-biċċa terġa’ tiġri fil-proġett tal-Kappara.

    Rari kien hemm proġett li tmexxa, bħal ma tmexxa hu, sal-aħħar fażi b’ħila u b’attenzjoni biex joħloq l-anqas disturb u kull parti minnu titwettaq b’effiċjenza. Imbagħad meta dħalna fl-aħħar fażi, jew hekk deherli, bħal rikbet għeja stramba. Sal-lum, meta l-proġett suppost li ntemm, qed jidher nuqqas ta’ ġabra fil-mod kif għadhom għaddejjin irtokki (?) u daqqiet tal-aħħar!

    Jien bqajt bl-impressjoni li safejn nista’ nkejjel, l-uniku proġett sa issa li wera kif jista’ jkun komplut b’mod eżemplari (taħseb x’taħseb dwaru bħala inizjattiva) kien dak ta’ Portomaso. 

    MAGĦTAB

    Il-ġimgħa li għaddiet żort l-impjanti u l-faċiltajiet l-oħra tal-Wasteserve fil-Magħtab. Kien ili ma nirfes lil hemm. Bqajt impressjonat bil-bidliet li saru.

    Qed tagħmel ħidma tal-akbar siwi, il-fabrika “ġdida” li tipproċessa ż-żibel li jasal hemm, wara li tkun firditu f’munzelli differenti. B’impjant ieħor simili qribha, għad tikkonċentra l-ipproċessar kollu taż-żibel mill-pajjiż fl-istess lok, bl-anqas ħsara għall-ambjent. L-inħawi tal-Magħtab fejn qed isir dax-xogħol, qaluli, ilaħħqu territorju akbar minn dak tal-Valletta 18.

    Baqa’ talanqas żewġ sfidi biex jingħelbu: l-ewwel, kif il-volum ta’ żibel li qed noħolqu f’pajjiżna se jinstablu fejn jintradam qabel jidħlu fis-seħħ l-impjanti kollha meħtieġa biex jipproċessaw l-iskart sal-aħħar b’mod sodisfaċenti; u t-tieni, kif żibel mid-djar u mill-azjendi se jibda jinġabar b’mod serju. 

     Iż-żewġ oqsma jinvolvu sfidi politiċi li sa issa ħadd ma ried jaffaċċja.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook