NGO?

  • Jan 11, 2018 10:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Mistoqsija li diġà għamilt u nerġa’ nagħmel. Kif għandha titqies il-Knisja Kattolika f’Malta tal-lum? 

    Bħala istituzzjoni ewlenija tal-pajjiż?

    Jew bħala għaqda mhux governattiva (NGO) li qiegħda fejn qiegħda biex twassal l-ideat tagħha?

    It-twemmin tagħha dwar il-post tal-bniedem fl-univers u dwar il-valuri li għandhom jiggwidaw l-imġiba tan-nies huma mħaddna minn maġġoranza (forsi relattiva) tal-poplu. B’hekk għandha profil aqwa minn ta’ NGO. Kif titkellem il-kostituzzjoni dwar ir-reliġjon tal-pajjiż isaħħaħ dal-profil.

    Min-naħa l-oħra, ir-rabta qadima tagħha ma’ ċertu tip ta’ poter statali u l-mod kif baqgħet tħares l-interessi materjali tagħha akkost ta’ kollox, tellfuha ħafna mil-leġittimità.

    Biex tagħqad, id-direzzjoni tagħha donnha saret wisq opportunista. L-organizzazzjoni baqgħet dgħajfa, pjuttost imħarbta. L-istqarrijiet ta’ pożizzjoni jitbandlu mal-kurrenti politiċi għaddejja, donnhom jintgħażlu skont kemm l-aktar jistgħu jilħqu prominenza fl-aħbarijiet tal-jum.

    ***

    IĊ-ĊIVIL

    Matul is-snin iċ-ċivil żviluppa skont l-esiġenzi ġodda ta’ bidla soċjali u ekonomika li qamu.  F’ħafna każi, baqa’ lura milli jilħaq l-istess rankatura ta’ bidla li kienet għaddejja madwaru.

    Ħafna jsemmu l-politiċizzazzjoni li skont huma nfettat liċ-ċivil bħala l-problema ewlenija. Qishom jifhmu li fiż-żmien kolonjali, iċ-ċivil kien l-aktar effettiv għax kien apolitiku. Dwar kemm tassew kien apolitiku ċ-ċivil taħt il-kolonjaliżmu għandi dubji kbar. Għalkemm minnu ħarġu amministraturi kbar u siewja għall-pajjiż, kien imfassal għal kondizzjonijiet li kienu mistennija jibqgħu ċassi. 

    Hi ħaġa naturali li mexxejja politiċi minn deċennju għal deċennju kellhom jaraw kif jiżguraw li min qed jamministra “taħthom” juri lealtà lejn il-gvern tal-ġurnata u l-politika tiegħu.

    Mhux l-hekk imsejħa politiċiżżazzjoni li toħloq problemi, daqskemm in-nuqqas ta’ rispett minn politiċi lejn l-apparat amministrattiv li jeħtieġlu jimxi skont il-loġika tiegħu. Leali kemm huma leali, d-diriġenti maħtura biex jikkontrollaw dan l-apparat, iridu jkunu jaf wkoll kif se jħaddmuh.

    ***

    ALFRED ZARB

    Kien ili nafu mal-ħamsin sena, wieħed mill-ewwel nies li ltqajt magħhom fl-uffiċċju tal-affarijiet barranin meta wasalt hemm bħala uffiċjal ġdid. Spjegali kif isir ix-xogħol u min hu min, b’leħen kalm u ċajtier.

    Matul  is-snin bqajt nammira l-istil tiegħu u aktar u aktar il-ħila li kellu biex jifhem sitwazzjoni diplomatika mil-lenti Maltija. Rajtu f’diversi okkażjonijiet delikati jġib ruħu b’mod eżemplari. Kien leali lejn il-gvernijiet tal-ġurnata u jikseb malajr il-fiduċja tagħhom. Imma dak li għandu jgħid, xorta jleħħnu bla tlaqliq.  

     Laħaq il-quċċata tal-karriera diplomatika wara li beda minn “isfel” – ħaġa li swietlu wkoll biex iġemma esperjenza vasta li kien lest juża b’ġenerożità.

    Sogħobbieni ħafna insir naf bil-mewt tiegħu. Kondoljanzi profondi lill-familja tal-ambaxxatur Alfred Zarb.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0