Il-“cable” ta' Għawdex

  • Jan 15, 2018 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-gvern qed jagħmel tajjeb ħafna li dis-sena ivara “cable” ġdid għall-kumnikazzjoni bl-internet ma’ Għawdex. Il-proġett ilu jissemma. Baqa’ wisq jistenna. Issa li d-deċiżjoni ttieħdet, ikun tajjeb li jiġi żgurat li t-twettiq tal-proġett isir bla tfixkil, b’mod serju u skont l-iskadenzi meħtieġa.

    Ninsab konvint li se jsir kull sforz għal hekk. L-infrastruttura ġdida ta’ kumnikazzjoni li se tinħoloq għandha twassal għal opportunitajiet ekonomiċi u finanzjarji ġodda. Mhux kollha se jinħassu minnufih. Uħud se jinqalgħu b’mod mhux prevedibbli, għal żgħażagħ studenti u imprendituri ġodda.

    Dan jista’ jqanqal inkwiet fost interessi stabbiliti li jibżgħu li jistgħu jitilfu d-dominanza tagħhom. Smajt li qed jintqal kif mingħajr l-infrastruttura ġdida li qed tinbena, l-miri tagħha xorta setgħu jintlaħqu bil-faċilitajiet eżistenti. Stramb kif dan l-argument qatt ma ssemma fis-snin li l-proġett inżamm fil-limbu.

    ***

    L-APPLIKAZZJONI TA’ FARSONS

    Kurżità minsija tas-sena li għaddiet għandha x’taqsam mal-binja li l-kumpanija Farsons se ttella’ fl-Imrieħel, minflok l-istrutturi qodma li għandha hemm. Bħal kull proġett ta’ Farsons, il-binja tfasslet wara tħejjijiet kbar. Xorta wieħed kien jistenna li qabel tiġi approvata, tqanqal kontroversji għal raġunijiet ambjentali u oħrajn.

    Hawn il-kurżità: il-kontroversja qamet għax fl-istadju qrib l-aħħar tal-approvazzjoni tiegħu, ħarġu indikazzjonijiet qawwija li l-proġett mhux se jiġi approvat. Did-darba ġara l-maqlub tas-soltu: kif jista’ jkun – intqal – li dal-proġett se jiġi rifjutat?

    Imbagħad smajna kif tressqu pjani ta’ bini aktar irfinuti u l-oġġezzjonijiet li tqajmu kontra l-proġett twittew.

    Nittama li kien hemm trasparenza sħiħa fiż-żewġ stadji: f’dak fejn il-proġett resaq lejn rifjut, u f’dak fejn ġie aċċettat.

    ***

    VACHSS

    Ma kontx naf bih qabel sibt xi rumanzi tiegħu għall-bejgħ f’librerija ta’ kotba użati. Deher kittieb fit-tradizzjoni tat-thrillers vjolenti Amerikani ta’ nofs is-seklu l-ieħor, fit-timbru li tahom Mickey Spillane.

    F’“Shella”, ir-rumanz ta’ Andrew Vachss li qrajt, insibu stampa brutali u barbara tar-realtà soċjali Amerikana li jgħixu dawk li jinsabu barra l-ispazju fejn il-liġijiet suppost jipprovdu ħarsien għaċ-ċittadini. Niltaqgħu ma’ kriminali rġiel u nisa li fil-ħabs u barra minnu, dejjem viġilanti, jitqatlu f’intriċċi skabrużi. Il-klima tar-rumanz hi vjolenti kemm trid, amorali għall-aħħar. 

    Imma mhux fil-linja ta’ Spillane fejn il-vjolenza tinħass bħala avventura krudili. Vacchs bħal għandu teorija tiegħu dwar kif bniedem isir kriminal. Hu serva għal ħafna snin bħala avukat f’kawżi dwar abbuż sesswali fuq tfal. Donnu jemmen li dat-tip ta’ abbuż jagħti lok aktar tard fil-ħajja, fost tfal bla familja jew b’sitwazzjonijiet familjari mwegħra, għal żvog kriminali qawwi.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0