2017(2)
Il-ġimgħa li għaddiet bdejt insemmi l-affarijiet li laqtuni s-sena li għaddiet. Ktibt dwar l-attakki li saru fuq Malta mill-Ewropej u spiċċajt nikteb li Malta qatt ma ġiet ittrattata daqshekk lanqas meta konna kolonja.
Dan fejn ser iwassal
Żgur li qed iwassal għal sentiment aktar qawwi kontra l-Ewropa. Illum hemm min qed jistaqsi x’fettilna nidħlu f’dan il-klabb li sakemm dħalna rajna taħlita ta’ żegħil u pressjoni politika qawwija mill-Ewropej u issa qed niġu stmati taż-żibel.
Dan is-sentiment hu perikoluż daqs l-għira għaliex ma jħalliniex naraw aktar mill-ponta ta’ mneħirna. Xogħlna mhux li nkunu negattivi. Aktar ma jkun qawwi l-attakk kontra Malta aktar irridu naħdmu biex inkabbru l-ġid li ħloqna.
Hemm opportunita’ ġejja. Din hi li s-sena d-dieħla ser ikollna l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Hu dmir tagħna li nieħdu sehem u nibdew minn issa biex naraw lil min ser intellgħu fil-Parlament Ewropew. Irridu ntellgħu nies li barra ma jagħmlux ħsara lill-Maltin speċjalment lill-middle class, jaħdmu biex isolvu l-problemi li għandna fl-Ewropa għall-ġid taċ-cittadini Ewropej kollha.
L-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha qed jiffaċċjaw problemi kbar li qed jolqtu lil kullħadd. Waħda mill-problemi hi l-ħofra finanzjarja li ġabet magħha Brexit fil-but Ewropew. Ma ninsewx li hemm min, kull meta jara problema finanzjarja moħħu jmur mal-ewwel fuq it-taxxi. U fl-Ewropa sfortunatament hemm ħafna minnhom dawn.
Diġa’ qed jissemma li jista’ jkun hemm taxxa Ewropea fuq il-plastic. Taxxa li jekk tidħol ittellgħa l-prezz ta’ kważi kull oġġett għaliex kull oġġett għandu xi ħaġa tal-plasitic u għalhekk ser jiġi ntaxxat. Anki dawk l-oġġetti li mhux tal-plastic, bħall-ikel, ser jiġu ntaxxati għaliex anki dawn ġeneralment ikunu ppakkjati fil-plastic.
Ewropa mhux taxxi għandha bżonn, iżda aktar tkabbir ekonomiku.
Hemm problemi oħra bħas-sigurta’. Illum ma tħossokx sigur kull meta ssiefer fl-Ewropa. Din hi problema li trid tiġi iffaċċjata mill-pajjiżi kollha flimkien. Effett indirett kien fuq it-trattat ta’ Schengen li llum kawżi sfaxxa fix-xejn.
Hemm fuq kollox il-problema tar-refuġjati. Problema li qed tolqot numru ta’ pajjiżi bil-kbir. Malta għaddejna minnha din il-problema u nafu x’issarraf u m’għandna l-ebda garanzija li din il-problema mhux ser nerġgħu nsibuha ma’ wiċċna jekk ma jsir xejn fuq livell Ewropew.
U din iġġibni għal problema akbar li qed naraw fl-Ewropa – dik li għandek numru ta’ pajjiżi li ma jridux jaqsmu l-piż bħal ħaddieħor filwaqt li jridu jgawdu mid-drittijiet kollha bħal moviment ħieles tan-nies li jwassal biex ċittadini Ewropej imorru jaħdmu fil-pajjiżi l-oħra mingħajr xkiel. Dan barra l-għajnuna finanzjarja li jirċievu.
Iċ-ċittadini jridu Membri Parlamentari li jieħdu ħsieb ukoll l-interessi tal-konsumaturi. Hi tal- mistħija li l-Unjoni Eworopea ma għamlet xejn dwar il-każ tal-Volkswagen minkejja li l-konsumaturi Ewropej fosthom Maltin ġew imqarrqa. Filwaqt li fl-Istati Uniti l-konsumaturi ta’ dawk il-karozzi li ġew milquta ngħataw kumpens u anki l-awtoritajiet ħadu passi biex uffiċjal tal-VW jittella’ l-Qorti. Fl-Ewropa minn dan kollu ma ġara xejn. Ħafna kliem iżda la l-Unjoni Eworpea u lanqas l-Awtoritajiet Nazzjonali ma ċċaqilqu speċjalment minħabba li din il-kumpanija hi Ewropea. Biex inkomplu niġu sew issa għadu kemm ħareġ survey tal-Euroconsumer fejn qed jgħidu 45% tal-karozzi VW li sarulhom updates għandhom problemi.
Dawn huma ftit mill-poblemi li rridu l-Membri Parlamentari Ewropej li jużaw l-ħin tagħhom u mhux jattakkaw pajjiżi bħal Malta li qatt ma taw fastidju lil ħadd. L-unika problem li ħloqna hi qed immorru aħjar minn pajjiżi oħra.
Valletta 18
Minkejja dak kollu, għandna opportunita’ oħra. Dik ta’ Valletta 18. Opportunita’ li tista’ ġġibilna aktar ġid u ttella’ ‘l Malta aktar fil-wiċċ. Din hi opportunita’ li jekk noqogħdu attenti ser tagħti opportunita’ li l-kultura u dak li għandna, billi nieħdu ħsiebu, li mhux biss inkabbruh, iżda li nibqgħu ngawduh tul is-snin li ġejjin.
Diga’ din l-opportunita’ qed tħalli l-frott tagħha għaliex qed naraw artisti ġodda f’kull qasam tal-kultura li qed juruna l-ħiliet tagħhom. Qed juru wkoll li Malta hi post li qed tikkontribwixxi fil-qasam tal-kultura Ewropea.
Fuq kollox din il-ħidma ġabet magħha qawmien ġdid għal Belt Valletta li kienet għamlet żmien twil mitluqa u mejta. Illum il-Belt reġgħet ħadet ħajja ġdida li llum mhux biss tat ħajja u wera s-sbuħija u l-potenzjal tal-Belt, iżda qed jolqot ukoll kull naħa tal-Belt. Għad hemm x’isir, iżda issa mill-kliem qlibna għall-fatti u l-ewwel passi kbar ittieħdu.
Fit-tħejjijiet kien hemm determinazzjoni u entużjażmu li dan l-avveniment mhux biss ikun suċċess iżda jkun il-pedament ta’ ħajja ġdida kulturali għal Malta kollha fis-snin li ġejjin. Dan l-entużjażmu u determinazzjoni ġab miegħu fiduċja ġdida fil-privat li ma qgħadx lura milli hu stess jidħol f’dan l-entużjażmu u jinvesti bil-kbir.
Il-Valletta 18 mhix biss suċċess tal-ħiliet iżda qabża kbira li għaqqadna l-kultura ma’ ħiliet teknoloġiċi u organizzazzjoni. Dan jawgura wkoll suċċess għall-ġejjieni.
Sintendi dan iġib l-għira speċjalment ta’ dawk li bil-kliem iwettqu kollox, imma meta niġu għar-realta’ u ħidma biex nikkrejaw xi ħaġa fallew.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.