Turiżmu - żviluppi ġodda

  • Jan 25, 2018 08:45
  • Miktub minn Alfred Sant

    Qed isir tajjeb li fit-turiżmu jibqgħu għaddejja l-inizjattivi għal proġetti ġodda li jkomplu jsaħħulu l-pedamenti. 

    Dawn l-inizjattivi – fil-fehma tiegħi – iridu jibnu fuq ir-rankatura tal-preżent biex jiggwidaw b’mod dejjem aħjar l-investimenti prospettivi. Wisq sal-lum, proġetti ta’ investiment fit-turiżmu ntrabtu mal-bini ta’ appartamenti ta’ lussu “għall-barranin”. Dan suppost iwieżen il-bini ta’ lukandi u postijiet oħra ta’ interess turistiku, biex... hekk jintqal, jagħmilhom vijabbli.

    Imma jekk it-turiżmu hu industrija li taqbel bil-kbir mal-profil tal-gżejjer tagħna, il-proġetti l-ġodda li għandna naċċettaw huma dawk li tassew isostnu dal-profil. M’hemmx żmien aħjar minn issa biex dan isir minn meta t-turiżmu qiegħed fuq lanja mill-aqwa. 

    Jekk le, se nkunu qed nifgaw lil pajjiżna bi proġetti li jibdew bil-kbir u, meta s-sitwazzjoni tinbidel għall-agħar, jispiċċaw irenduna sink għal djar u appartamenti mixtrija u mibjugħa bir-ribass.

    Għandhom jingħataw priorità proġetti li jippromwovu biss lukandi “boutique”, golf, yachting, turiżmu reliġjuż u turiżmu li jservi għall-kura tas-saħħa.

    ***

    BEJN PUBBLIKU U PRIVAT

    Kien hemm wisq entużjażmu fl-Ewropa fl-aħħar snin – f’Malta wkoll – għall-ħolqien ta’ proġetti bi sħab bejn gvern u privat, f’oqsma li tradizzjonalment kienu fil-qasam publiku. Rajna dil-ħaġa tiġri fit-tmexxija tad-dawl, tal-ilma, tat-trasport u aktar qrib lejn żmienna tas-saħħa u tal-edukazzjoni. 

    M’inix se nikkummenta hawn dwar jekk kinitx tajba jew ħażina dix-xejra, għalkemm għandi l-fehmiet tiegħi. Importanti hu li nifhmu li s-“soluzzjoni” tal-“private public partnership”, kif tissejjaħ, ma toffri l-ebda soluzzjoni maġika. 

    Tista’ tikklirja (talanqas fuq il-karta) l-problema ta’ kif se jinġabru l-fondi kapitali meħtieġa għall-iżviluppi tal-futur. Mhux ċar kif tirrispondi għall-aspirazzjonijiet ta’ ġustizzja soċjali li f’ħafna ċirkostanzi, is-settur publiku biss jista’ jissodisfa.

    Dwar hekk ma kellna l-ebda diskussjoni politika serja sa issa.  

    ***

    WARA L-FTUĦ

    Jixraq kull għarfien lill-ftuħ spettakolari ta’ Valletta 2018 fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u lil dawk li għamluh realtà. Ma smajtx kummenti bis-sens kontra (ħlief dwar it-trasport publiku) anke fost min ħadem minn taħt biex jimmina l-proġett. 

    Wisq eluf ta’ nies ħanqu l-belt Valletta, xhieda tas-suċċess li nkiseb.

    Issa hu meħtieġ li das-suċċess jissarraf f’ħidma intelliġenti biex l-inizjattivi li se jsiru matul is-sena jirrankaw fl-interess popolari. Il-laqta popolari trid tibqa’, imma fl-istess ħin irid jinżamm impenn artistiku li jħares lejn il-ġejjieni. Iż-żgħażagħ u l-ideat ġodda iridu jsibu spazju fejn jagħmlu tagħhom. 

    Il-festa tal-kotra ma għandhiex tfisser li jitwarrab il-kontemporanju għax forsi jinħass stramb, jew nieqes minn appell popolari. Fuq kollox, irid jinżamm spazju sħiħ għat-talent Malti f’kull mansjoni tal-kultura.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0