Vjolenza sesswali mhijiex biss “sesswali”... eżerċizzju abużiv ta’ poter personali

  • Fra 01, 2018 08:40
  • Miktub minn Alfred Sant

    VJOLENZA SESSWALI

    Ma jista’ jkun hemm l-ebda riżerva fil-ħidma kontra l-vjolenza sesswali fil-forom kollha tagħha.

    Aktar man-nies taqbel mal-ħsieb li għandu jkun hemm spazju miftuħ u protett fejn tista’ tiddenunzja dil-vjolenza, aktar  jitnaqqsu l-marġini fejn tista’ titwettaq. Jeħtieġ li dan l-ispazju jkompli jitkabbar. Għax l-iżviluppi tal-aħħar snin ikkonfermaw kif il-vjolenza sesswali mhijiex biss “sesswali” – hi wkoll eżerċizzju abużiv ta’ poter personali. Kontra t-tfal, kontra n-nisa, kontra dawk li jafdaw “wisq” fin-nies tar-reliġjon jew f’professjonisti li suppost jindokrawhom...

    L-inċidenti li seħħew matul iż-żjara tal-Papa fiċ-Ċili dan l-aħħar urew kemm hi ħaġa diffiċli li ssostni bla waqfien l-attakk fuq kull forom ta’ vjolenza sesswali meta fl-istess ħin, tkun trid tiddefendi l-integrità tal-istituzzjoni li qed tidderieġi.

    Minkejja kollox, nemmen li l-Papa preżenti hu tassew ta’ rieda tajba meta jitkellem kontra kull forom ta’ opressjoni. Imma wiċċ’imb wiċċ mar-realtà faħxija tal-abbuż tal-poter li jirriżulta fost oħrajn fi vjolenza sesswali, it-triq ’il quddiem mhijiex dritta.

    LIBERTÀ TAL-KELMA

    Il-libertà tal-kelma għandha titħares b’kull mezz. Dwar hekk ukoll ma jista’ jkun hemm l-ebda esitazzjoni. Biss baqa’fruntieri li fuqhom irridu niċċaraw sa fejn dil-libertà għandha titwassal.

    Personalment għandi dubji dwar jekk dil-libertà għandhiex tinkludi d-“dritt” li tinsulta t-twemmin jew l-imġiba ta ċiittadini oħra. Biss imbagħad, x’inhu mitqies bħala “insult”?

    Dil-problema ma kinitx tkun waħda kieku kulħadd jaċċetta bl-istess mod ir-responsabbiltajiet, drittijiet u obbligi li joħorġu mill-fatt li nappartjenu għall-istess soċjetà ċivili u demokratika. Dal-kunsens ma jeżistix. Allura irridu noħolqu regoli trasparenti li f’rispett tal-libertajiet li tirrikonoxxi u suppost tirrispetta soċjetà demokratika, jżommu l-bilanċi meħtieġa bejn il-fazzjonijiet kollha ta’ soċjetà “pluralistika”.

    PROPOSTI LEĠISLATTIVI

    Resqin lejn tmiemhom il-mandati tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea. Din tal-aħħar għandha l-akbar inkarigu li tressaq proposti “leġislattivi” li jissarrfu f’regolamenti, direttivi u għodod oħra legali li jitwettqu mal-Unjoni Ewropea kollha. Il-proċess li bih dan jasal fis-seħħ hu ta’ spiss komplikat, jirrekjedi diskussjonijiet twal u jieħu ż-żmien sakemm jintlaħqu l-kompromessi li jwasslu għal dokument finali.

    Fix-xhur li baqa’ qabel l-elezzjonijiet Ewropej, ftit hemm ċans li proposti leġislattivi ġodda ta’ ċerta importanza jitniedu u jitwasslu sal-aħħar. Allura ftit li xejn se naraw minnhom.

    Il-konċentrament se jkun fuq kif proposti li diġà ttellqu, talanqas huma, jitwasslu sal-aħħar. Diġà dil-Kummissjoni naqqset bil-kbir, il-għadd ta’ proposti leġislattivi li qabel kienu jsiru mill-Kummissjoni ta’ qabilha. Hekk kien wegħed fil-bidu l-President tal-Kummissjoni Juncker. Hekk sar.

    Fix-xhur li ġejjin il-ħidma leġislattiva Ewropea għanda tkompli titraqqaq b’mod drastiku.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook