Attakk ieħor ta’ fake news

  • Fra 03, 2018 14:48
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Xi kultant inħoss li qiesna qegħdin f’xi gwerra mal-Ewropa speċjalment ma’ grupp ta’ Membri Parlamentari Eworpej, bħal ma konna fl-aħħar gwerra fejn perjodikament kien ikollna xi air raid.  Illum il-pożizzjoni ma tantx hi differenti għaliex qed ikollna attakki, veru mhux bil-bombi, iżda bombi ta’ fake news li jagħmlu ħsara lil Malta aktar mill-bombi li ntefgħu fil-gwerra.  

    Għaliex qed ngħid hekk?  Għaliex jekk vera hemm intenzjonijiet tajba u hemm ħbiberija, l-affarijiet ma jimxux hekk.  Jekk jien inħossni urtat minn xi ħaġa li għamel ħabib, ma mmurx fuq il-Facebook u nibda nfajjar ‘l hemm u ‘l hawn bl-addoċċ fuqu.  Immur inkellmu u nistaqsih għaliex għamel hekk.  U hekk nistenna li jkunu l-affarijiet jekk verament dawn huma ħbieb tagħna.  

    Fl-aħħar attakk li kien hemm minn dawn il-MEPs intqal li f’Malta hawn nies u banek li huma involuti fil-ħasil tal-flus.  Tajjeb li ngħidu li ħasil ta’ flus hu meta flus li ġew minn attivita’  kriminali u issa qed jiddaħħlu fis-sistema finanzjarja u b’hekk isiru legali.  Din hi akkuża serja.

    Akkuża serja mhux biss għall-banek u peress li ma ssemma l-ebda bank l-akkuża taqa’ fuq il-banek kollha.  Iżda mhux biss.  Il-banek ma jaħdmux waħedhom.  Huma l-impjegati li jmexxu l-banek u għalhekk l-akkuża hi fuq l-impjegati tal-banek kollha li dawn mhux qed jaqdu dmirhom.  

    Din l-akkuża tirrifletti wkoll fuq il-ħaddiema ta’ istituzzjonijiet regolatorji f’dan is-settur.  L-akkuża qed tgħid li dawn mhux qed jaqdu dmirhom meta jmorru jagħmlu l-ispezzjonijiet fil-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra.  Nispera li xi ħadd minnhom iqum jitkellem għax id-dell li ntefa’ ser jibqa’ fuqhom.

    Għidt akkuża.  Personalment s’issa sa ċertu punt ma nħossx li hi akkuża għaliex jien nemmen li biex nakkuża lil xi ħadd irid ikolli xi prova.  U s’issa safejn naf jien ma ħarġet l-ebda prova.  Jekk hemm il-provi nistenna li dawn għandhom jingħataw lill-Pulizija u lill-Qorti.  U jekk dawn mhux fdati allura għandhom jixxandru pubblikament.  Sakemm isir dan, dawn l-akkużi m’huma xejn għajr fake news.    

    Elezzjonijiet

    L-elezzjonijiet huma parti importanti mid-demokrazija.  Ir-raġuni hi li huma l-mekkaniżmu biex il-fehma taċ-ċittadini tkun magħrufa.  Kull sistema tal-elezzjoni għandha tagħha.  Kull waħda għandha xi difett.  Biss huma parti essenzjali.  L-importanti hu li jkun hemm qbil ġenerali fuq is-sistema.  

    Parti oħra mid-demokrazija torbot mal-elezzjonijiet.  Din hi li r-riżultat jiġi aċċettat minn kulħadd.  Biss din saret l-aktar parti dgħajfa s-sena l-oħra.  Karatteristika li ħarġet u ddominat hi li għal xi raġuni jew oħra, it-tellief jipprova jsib xi skuża jew oħra biex iħassar l-elezzjoni.  Min jgħid li s-sistema kienet imbażwra, min jgħid li n-nies ma kellhomx informazzjoni biżżejjed, min jgħid li l-voti ġew mixtrija u mitt ħaġa oħra.  

    Din l-attitudni tagħmel il-ħsara u ħsara fil-fond u fit-tul.  Ma rajnihiex Malta biss iżda f’pajjiżi oħra bħar-Renju Unit u l-Kenja.  Hemm ħafna eżempji u tajjeb li nsemmu xi ftit.  Ħa nieħdu r-referendum li kien sar fir-Renju Unit dwar Brexit.  Ir-riżultat għadu s’issa mhux aċċettat minn ħafna.  L-iskuża kienet li qalu li l-votanti Ingliżi ma kellhomx informazzjoni korretta.  Din kienet waħda mill-iskużi li tidher li hi l-aktar aċċettata minn ħafna, sew fir-Renju Unit u sew fl-Ewropa.  Fil-fatt għad hemm nies li jemmnu li l-affarijiet jistgħu jinbidlu u r-Renju Unit jibqa’ fl-Ewropa.  Il-mistoqsija tiegħi f’dan il-każ hi waħda – jekk in-nies ma kellhomx informazzjoni korretta, ta’ min kien it-tort?  It-tort kien ta’ min tilef l-elezzjoni, għaliex ma wassalx l-informazzjoni li kien hemm bżonn lin-nies.  

    Personalment ma nemminx li din kienet ir-raġuni.  Aktar nemmen li n-nies ivvutaw hekk għaliex ma kinux qed jaraw li l-benefiċċji li kienu ġejjin jaslu għandhom.  Fil-fatt hu għalhekk li l-aktar li qed jirsistu biex ir-referendum jerġa’ jsir huma dawk li kienu qed jgħixu fl-Ewropa fosthom Brussels u għalhekk kienu qed igawdu.  

    Semmejt każ wieħed biex nagħti eżempju.  Sakemm it-tellief jipprova jsib skuża hi aċċettabbli għaliex ħadd ma jkun irid iġorr il-piż tat-telfa.  Imma li tkompli wara l-elezzjoni taġixxi b’dan il-mod, għallanqas għalija, mhux aċċettabbli.  

    Jekk inkomplu fuq il-każ tar-Renju Unit naraw il-ħsara li qed issir.  Min-naħa, narawhom iħokku idejhom kull meta tiġri xi ħaġa ħażina jew ikun hemm xi ċaqliq.  Kif il-Lira Ingliża tiċċaqlaq tikka l-isfel narawhom joħorġu jgħajtu li dan minħabba Brexit.  Insejna li s-suq ħieles, il-muniti l-ħin kollu jiċċaqalqu jew li l-Lira Ingliża ma ħaditx dik id-daqqa li dawk kontra l-Brexit kienu qed jgħidu li ser jiġri.  Fost dawk l-aktar li jħokku idejhom kull meta r-Renju Unit jiġri xi ħaġa negattiva hu l-ġurnal Politico li bl-argumenti tiegħu jissapportja lill-Partit Popolari Ewropew.  Fil-fatt għalhekk għandu l-istess attitudni lejn Malta.  

    Ir-riperkussjoni ta’ dan hi effett negattiv fuq l-ekonomija Ingliża li wara kollox huma ċ-ċittadini Ingliżi li jkollhom iħallsu għalih filwaqt li dawk li kienu gawdew mill-UE ser jibqgħu jgawdu.  

    Effett ieħor hu fuq it-taħditiet li għaddejjin mal-UE.  Dawn in-nies ma jridux li jintlaħaq ftehim li jkun tajjeb għaż-żewġ naħat.  L-iskop tagħhom hu li jaraw lir-Renju Unit jiġi għarkuptejh.  Huma qed jirraġunaw li jekk jintlaħaq ftehim tajjeb għaż-żewġ naħat, dan ikun inkoraġġiment biex pajjiżi oħra jitħajru u jitilqu mill-UE.  Argument li indirettament qed jgħid li mhux daqs tant tajjeb li tkun fl-UE.  

    Jekk tibqa’ ssir din il-pressjoni u ma jkunx hemm ftehim tajjeb għaż-żewġ naħat ikunu ċ-ċittadini li jkunu ser ibatu.  Dan bħal meta koppja tasal biex tissepara jew tiddivorzja.  Jekk ikun hemm ftehim li jkun tajjeb għaż-żewġ naħat, l-aktar li ser igawdu huma t-tfal.  Jekk il-ftehim ikun sfurzat għax ikun deċiż mill-Qorti, ir-relazzjoni bejn il-ġenituri ser tkun waħda ħażina u huma t-tfal l-aktar li jbatu.

    Atmosfera ta’ elezzjoni hi eċċitanti iżda ġġib il-firda.  Hu għalhekk li n-nies wara l-elezzjoni jridu l-kalma biex huma jkollhom ħin għall-affarijiet importanti tagħhom u tal-familji tagħhom.  Il-familji l-aktar ħaġa li jimpurtahom hu l-ġid tal-familji tagħhom speċjalment ta’ wliedhom.  Il-partiti politiċi jridu jifhmu li hu tajjeb li ttella’  l-hipe tal-argumenti politiċi waqt l-elezzjoni iżda wara din iddejjaq lin-nies li fuq kollox iridu jgħixu ħajja kwieta biex jaraw il-ġid tal-familja tagħhom jisseddaq.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0