Libertà u kontrolli

  • Fra 08, 2018 09:53
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-libertà tal-kelma għandha tkun sagrosanta f’demokrazija. Nitilqu minn hemm. Biss imbagħad iqumu r-riżervi. Bħal: Il-libertà tal-kelma m’għandhiex tfisser libertà għal diskors li jqanqal mibegħda fost in-nies. Bħal: Għandu jkun hemm rimedju għall-malafama.

    L-aħħar punt iqajjem argumenti interessanti. Ir-rimedju m’għandux iservi biex jagħlaq ħalq min jikxef l-imġiba ħażina fin-negozju jew fl-amministrazzjoni publika. 

    Jissemma l-mezz li bih min irid jagħlaq ħalq xi ħadd u jbeżżgħu, jagħmillu kawża fi tribunali barranin fejn jeżistu l-akbar pieni. Allura jintqal li hemm bżonn liġijiet biex jipprojbixxu dil-ħaġa.

    Barra mill-komplikazzjonijiet legali li dil-proċedura tista’ tqanqal, hemm osservazzjoni relatata mal-globalizzazzjoni tal-mezzi ta’ kumnikazzjoni li tista’ ssir. Hi simili għall-argumenti li jitqanqlu dwar il-pajjiżi li għandhom rati ta’ taxxi baxxi fuq il-kumpaniji biex jattiraw lil min irid iħallas anqas taxxi.

    Min jixtieq jagħmel malafama, jista’ jagħmilha minn pajjiż fejn il-pieni għaliha huma baxxi ħafna. Jekk itellaqha fuq il-midja soċjali, xorta se tasal kullimkien mad-dinja.

    ***

    “STRESS TEST” 

    Għall-banek daħlet il-prattika li l-awtoritajiet li jirregolawhom jinsistu li jsiru fuqhom testijiet li jkejlu kif jistgħu jintlaqtu minn bidliet għall-agħar fil-qagħda finanzjarja tagħhom. Dawn l-i“stress tests”, kif jissejħu, huma utli biex kemm min qed jissorvelja u kemm min qed imexxi l-banek ikun imwissi minn qabel dwar xi bidla li tista’ tinħema għat-tajjeb jew għall-ħażin f’sitwazzjoni attwali.

    L-istess ħaġa għandha ssir għall-ekonomiji. Mhux l-anqas għal dik Maltija.

    Ninsabu f’qagħda bla preċedent fir-rati ta’ tkabbir ekonomiku li ilna deċennji ma nilħqu fuq dan it-tul ta’ żmien. Kemm jekk dan jibqa’ jiġri, kemm jekk jintemm bil-mod jew hesrem, ma jeżistux preċedenti li diriġenti publiċi u kapijiet ta’ impriżi jistgħu jirreferu għalihom biex iħejju għall-futur.

    Iż-żamma ta’ “stress test” tal-ekonomija bil-publikazzjoni minnufih tar-riżultati (għalkemm din twarrbet bħala prattika fl-aħħar żminijiet) tkun inizjattiva siewja

    ***

    BANEK U DIRETTIVI EWROPEJ

    Fil-midja dehret storja dwar kif se jogħlew it-tariffi għall-użu tal-ATMs meta persuna tħaddem il-magna ta’ bank biex toħroġ il-flus minn bank ieħor. Ir-raġuni kienet, skont il-banek, li t-twettiq ta’ miżura ġdida ta’ sigurtà taħt direttiva dwar il-banek tal-Unjoni Ewropea, ġġib magħha żieda fl-ispejjeż għat-transazzjoni msemmija, u allura fit-tariffa għaliha.

    Mill-uffiċċju tiegħi, iċċekkjajna dwar dil-ħaġa mal-Kummissjoni Ewropea. Din ċaħdet li l-miżura msemmija kellha x’taqsam mal-ATMs u wisq anqas ma’ xi żieda fl-ispejjeż tagħhom. Il-Bank Ċentrali ta’ Malta kkonferma l-istess ħaġa.

    Il-banek se jdaħħluha diż-żieda ta’ tariffi jew le? Kif qed jiġġustifikawha tassew? Jekk tassew taw ir-raġuni li dehret fil-midja, kif jibqgħu jitħallew jitmejlu b’dal-mod biċ-ċittadini?

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0