inewsmalta.com



Tax havens

  • Fra 11, 2018 18:40
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Frażi li saret tintuża ħafna llum. Tista’ tgħid li kulħadd xi darba jew oħra jsemmiha.  Biss għandi dubju kemm verament nafu xi tfisser din il-frażi.  Li żgur kulħadd jifhem biha hu li jkun pajjiż fejn hemm ħafna tbażwir fil-flus, fejn il-flus imdaħħla minn affarijiet illegali jinħaslu u fejn ma hemmx taxxa u fejn ħadd ma jistaqsi mistoqsijiet.  Din l-impressjoni mhux f’Malta biss iżda tinstab f’madwar id-dinja.  

    Il-frażi kull ma tfisser hi li pajjiż ikollu taxxi baxxi ħafna u hemm segretezza dwar il-finanzi tan-nies.  Din il-frażi llum saret tintuża kontra Malta u għalhekk tajjeb naraw fejn aħna.  Tajjeb nibdew mis-segretezza.  Malta iffirmat trattati biex tagħti informazzjoni lil-gvernijiet barranin dwar ċaqliq ta’ flus lejn Malta.   L-istess Malta tista’ titlob mingħand dawn il-pajjiżi l-istess informazzjoni.  Qabel kont toħroġ il-flus bil-moħbi, tiddepożithom barra biex iddaħħal aktar imgħax u ħadd ma kien jaf xejn.  Wisq anqas tħallas taxxi.  Min ikun jrid jaħsel il-flus ma tantx kien ikollu problemi għaliex ftit li xejn kienu jsiru mistoqsijiet minfejn ġew dawn il-flus.  Illum anki biex ċittadin komuni, li żgur m’għandux il-miljuni, xorta jaqilgħulu fwiedu biex jiftaħ kont bankarju.  Din il-burokrazija kollha hi biex tikkontrolla l-ħasil tal-flus.

    Ma jfissirx li l-problema tal-ħasil tal-flus xi darba ser tiġi solvuta.  Ir-raġuni hi li kif l-istituzzjonijiet finanzjarji jagħlqu tieqa, min irid jaħsel il-flus jara x’jagħmel biex jiftaħ oħra.  Din hi battalja kontinwa u li ma tispiċċax.  Sakemm l-awtoritajiet ikunu viġilanti u ma jorqdux, ma tistax tikkritikhom speċjalment jekk ma turix li jista’ jsir xi ħaġa li mhux qed jagħmlu.

    Niġu għat-tieni parti.  Dik ta’ taxxi baxxi.  L-ewwel ħaġa,  illum it-taxxi għad għandna bżonnhom?  Nemmen li għad għandna bżonnnhom u dejjem ser jibqa’ dan il-bżonn.  Hemm diversi raġunijiet.  L-aktar tnejn huma biex il-Gvern ikun jista’ jaħdem u biex inaqqas diżugwaljanza kbira fil-ġid.  Għal ċerti pajjiżi l-għoli tat-taxxi jdejjaq in-nies imma m’għandux effetti qawwija ħafna fuq l-ekonomija speċjalment jekk din tkun kbira ħafna.  Dawn il-pajjiżi għandhom riżorsi biżżejjed biex minkejja t-taxxi xorta jiġbdu kumpaniji kbar.  Fattur importanti hu s-suq.  Pajjiż kbir bħal l-Amerka jew il-Ġermanja, l-Ingilterra jew Franza għandhom suq kbir biżżejjed biex jiġbdu kumpaniji kbar minkejja kemm ikunu għolja t-taxxi.  Ir-raġuni hi li l-kumpaniji jkunu jridu jkunu qrib is-swieq tagħhom biex iżommu għajnejhom fuqhom.  Dan barra l-fatt li dawn jiġbdu kumpaniji oħra li jibnu infrastruttura li tiffaċilita’ li dawn il-kumpaniji jaħdmu aħjar.  

    Għal pajjiżi oħra bħal Malta, l-unika riżors li jgħodd f’dawn l-affarijiet hu l-ħaddiem.  Biss dan ir-riżors mhux xi ħaġa uniku li ssibu f’Malta.  Illum issibu kullimkien speċjament fl-Ewropa minħabba li ħaddiem jista’ jmur jaħdem fejn irid mingħajr permessi.  F’każi bħal dawn, waħda mill-aktar attrazzjonijiet li għandna bħala pajjiż hi t-taxxa baxxa.  Dan mal-ewwel ittendejna bih u ilna b’politika bħal din mill-ħamsinijiet.  Ir-raġuni hi li tista’ tgħid hu l-aktar fattur importanti biex inġibu kumpaniji kbar.  

    Aħna m’aħniex uniċi.  Jekk tara r-rati tat-taxxi li joffru pajjiżi oħra bħal Lussemburgu, l-Irlanda jew l-Olanda ma tiskantax b’tagħna.  Dan barra affarijiet oħra li joffru dawn il-pajjiżi.  Waħda mill-affarijiet hi li jagħlqu għajnejhom fejn iridu u ssib li fl-Olanda, per eżempju, ħafna mill-kumpaniji li hemm irreġistrati, fir-realta’ kull ma jeżisti hemm huma indirizzi u PO boxes.  Dan isir biex dawn il-kumpaniji jħallsu t-taxxa fl-Olanda u jiffrankaw ħafna flus.  Għal żmien konna ser naqbdu din it-triq.  Kulħadd jiftakar li kien hemm kumpanija li kull ma kellha uffiċċju u l-Italja sabet li kienet qed tintuża biex taħsel il-flus.  Dakinhar  ħadd ma tkellem għax kien hemm tifel ta’ xi ħadd importanti.  Wisq anqas semmejna leħilna fil-Parlament Ewropew. 

    Fejn hemm it-taxxi baxxi u l-interessi jkunu għoljin jiġbdu mhux biss il-kumpaniji kbar iżda anki n-nies ordinarji.  Daqs ħamsa u għoxrin, tletin sena ilu, nofs Malta kellha kont fiċ-Channel Islands minħabba l-interessi għoljin  u taxxa ma kinitx titħallas.  

    Fil-każ tagħna s-sitwazzjoni hi aktar prekarja minħabba li aħna gżira u mdawrin bil-baħar.  Dan il-fattur iżid l-ispejjeż għall-kumpaniji.  Ħaġa oħra li pajjiżi bħal Lussemburgu, l-Irlanda u l-Olanda għandhom, hi istituzzjonijiet Ewropej li jħallu miljuni ta’ Ewros fil-pajjiż.  Din hi xi ħaġa li s’issa dejjem ġejna miċħuda minnha.

    Fl-Ewropa bħalissa hemm pressjoni speċjalment minn Membri Parlamentari Ewropej biex it-taxxi jiġu kollha viċin ta’ xulxin.  Peress li t-taxxi f’pajjiżi oħra huma għoljin, ifisser li jekk dan jiġri t-taxxi tagħna ser jogħlew.  Jekk dan isir, il-futur ta’ Malta ma tantx hu sabiħ.  Ħafna mill-kumpaniji li għandna jitilqu.  Għandna eżempji ta’ Pantalleria u Lampedusa li ma tantx huma ‘l bogħod minna.  Insiru bħalhom u l-ekonomija tagħna tkun tiddependi biss fuq l-agrikoltura u s-sajd.  Inkunu qed noffru futur sabiħ ħafna lil uliedna u ulied uliedna!

    Biex min qed ipaċpaċ fil-vojt jitfa’ l-melħ fuq il-ferita lanqas qed jissuġġerixxu xejn bħala alternattiva biex nibqgħu bl-istandard of living preżenti.  Per eżempju, ħadd minnhom ma fetaħ ħalqu biex istituzzjonijiet Ewropej bħal European Medicine Authority ssib posta hawn Malta.  U dan hu li jwassalni li nemmen li dawk in-nies li jitkellmu min għajnhom fuq dawn l-affarijiet, ħsara u mhux ġid iridu.

    Ċittadinanza

    Ftit ta’ ġranet ilu, l-issue taċ-ċittadinaza reġgħet tqajment.  Personalment ma tantx nista’ nifhem għalfejn dan l-għaa kollu.  Ir-raġuni hi li llum iċ-ittadinanza ma għadhiex xi ħaġa speċjali għax illum li tkun ċittadin Malti ma tagħtik l-ebda vantaġġ partikolari.  Kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea għandu l-istess drittijiet tigħek.  Dan barra l-fatt li anki ċittadini barra mill-Unjoni Ewropea li ilhom żmien ta’ snin jgħixu hawn igawdu minn drittijiet tajba wkoll.  

    Din hi waħda mir-raġunijiet ‘il għala ma nistax nifhem dan l-għaġeb kollu għaliex qed indaħħlu somma flus mhux ħażin minn din l-iskema.  Fuq kollox din l-iskema hi waħda serja ħafna ħdejn ta’ pajjiżi oħra u anki l-Unjoni Ewropea ma sabet l-ebda oġġezzjoni għaliha minkejja t-tixwix minn taħt.  

    Biss l-akbar raġuni li ma nistax nifhem dan l-istagħġib hu li jekk inħarsu erbgħin sena ilu, insibu li konna qed nagħtu ċ-ċittadinanza lil ħafna nies minn pajjiżi barranin b’xejn, ħafna drabi għax iżżewġu xi Maltija.  U mhux l-ewwel darba li dawn kienu żwieġ ta’ konvenjenza.  Dakinhar ma kien isir l-ebda stħarriġ serju fuq il-persuna li qed titlob iċ-ċittadinanza.  La konna niċċekkjaw il-passat tiegħu u lanqas jekk għandux għaxja ta’ lejla.  Aħseb u ara kemm konna nitolbuh biex iħallas jew jinvesti f’Malta.   Ara dakinhar, ħadd ma ġieh xi skruplu li konna qed nagħtu ċ-ċittadinanza lin-nies bla ebda kontroll.  Issa qed nitkellmu u niskruplaw, għax qed indaħħlu l-miljuni – xi ħaġa li ta’ qabilna ma kinux kapaċi jagħmlu.  Allura biex ma ngħidux li m’għandniex ħila daqs ħaddieħor, ngħidu li kull għenba hi qarsa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook