AĦJAR BL-EWRO?

  • Fra 19, 2018 09:10
  • Miktub minn Alfred Sant

    GWERER KULTURALI

    Aktar ma nara x’inhu jiġri madwarna, f’Malta u barra, aktar tikbirli t-tentazzjoni naħseb li biċċa kbira mill-ħidma politika tikkonsisti f’manuvrar kulturali. Tammonta għal sforz biex permezz tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-kamp politiku, jiġi sostnut is-sentiment ta’ superjorità fuq il-bqija tal-pajjiż li jħoss dan jew dak is-saff tas-soċjetà.

    Konklużjoni bħal din tmur kontra t-teżijiet materjalisti tal-marksiżmu pereżempju. Għalihom, huma determinanti l-fatturi li jwasslu għal dominanza fuq it-tmexxija ekonomika u fuq kif jitqassam il-ġid materjali.

    F’Malta għaddejja ħidma bla waqfien li tgħaddas lil pajjiżna ’l isfel fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Tista’ tispiċċa teqred il-mezzi ta’ għajxien ta’ nies qrib ħafna dawk li qed imexxu dil-kampanja. Ħadd fosthom ma jgħid daqshekk biżżejjed. 

    Forsi dan jiġri għax waqt li jifhmu kif huma jbatu jekk jinqered il-vantaġġ ekonomiku li jgawdu minnu, l-istess nies iqisu kif ukoll, tista’ terġa’ tissaħħaħ id-dominanza “kulturali” tagħhom, li xxaqqet sew fl-aħħar deċennji.

    BIDLIET ISTITUZZJONALI

    Fi Brussell għadha qawwija l-fehma li bħalissa hu l-aħjar żmien – meta l-ekonomija Ewropea tidher sejra għat-tajjeb u l-populiżmu jinsab “taħt kontroll” – biex jittieħdu inizjattivi li jsaħħu t-tmexxija tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għadha kemm ħarġet dokument ieħor fejn qed issemmi x’jista’ jsir biex iseħħu bidliet istituzzjonali “meħtieġa”.

    Il-proposti tagħha jallinejaw ruħhom ma’ tal-Parlament Ewropew (jew maġġoranza tiegħu) għax isostnu li l-ispitzenkandidat tal-Partit li jtella’ l-aktar deputati fil-Parlament Ewropew għandu jinħatar President tal-Kummissjoni li jmiss. Niddubita ħafna jekk fil-Kunsill Ewropew hemmx l-istess fehma soda.

    Aktar diskutibbli hi l-proposta tal-Kummissjoni biex l-istess President tagħha jinħatar ukoll President tal-Kunsill Ewropew. Ħaġa bħal din tikkonċentra wisq poter fi ħdan il-Kummissjoni u tidhirli li hi prematura ħafna, anzi żbaljata.

    AĦJAR BL-EWRO?  

    Wara diskussjonijiet li ħadt sehem fihom il-ġimgħa l-oħra dwar Malta u l-ewro, kien hemm min staqsieni, morna aħjar bl-ewro? It-tweġiba tiddependi bil-kbir minn x’se nifhmu bl-“aħjar”?

    Ifisser li maġġoranza tal-Maltin iħossuhom tajjeb bl-ewro? Li għandhom stendards ta’ għajxien ħafna aħjar minn qabel u li ma kienx ikollhom mingħajru?

    Ifisser li l-ewro daħħal klima ta’ sigurtà ekonomika u finanzjarja li qabel ma kellniex hekk li l-ekonomija tal-pajjiż għamlet progress li ma kenitx tagħmel mingħajr l-ewro?

    Ifisser li l-ewro fetaħ opportunitajiet ġodda għall-poplu u għall-ekonomija tagħna, waqt li saħħaħ bla xkiel ta’ xejn il-finanzi tal-gvern u l-qagħda soċjali tal-pajjiż?

    Hemm żewġ modi kif tirrispondi għal dawn il-mistoqsijiet. 

     Jew billi tperreċ id-domma li temmen fiha dwar l-ewro, favur, kontra. Jew billi b’mod kritiku tifli x’ġara fiż-żona tal-ewro u fl-ekonomija Maltija fl-aħħar għaxar snin.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0