Proverbji ħajjin... ilmenti

  • Fra 25, 2018 07:05
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Dan l-aħħar ġol-Belt tpoġġew numru ta’ fiġuri tal-ġibs li juru proverbji Maltin.  Laqtuni għal żewġ affarijiet.  L-ewwel li l-artist irnexxielu joħloq fiġura li minnha wieħed jista’ jiftakar il-proverbju.  Hi ħasra li, safejn naf jien, ħadd għadu ma ħareġ b’fiġura għall-proverbi.  Il-figura ma toħroġx it-tifsira tal-proverbju, iżda tfakkrek fil-proverbju.  Hi ħasra li s’issa ftit li xejn ħloqna affarijiet viżwali li bihom ngħinu, speċjalment lit-tfal, jitgħallmu l-Malti.  Huma affarijiet bħal dawn li jinkoraġġixxu lit-tfal jużaw aktar il-Malti għaliex jagħmluh aktar interessanti u viżwali.

    It-tieni ħaġa kienet li l-artist ħoloq dawn il-figuri fuq bażi tal-ġablow.  Veru li llum dan qed jintuża ħafna aktar minn qabel  biex jipprovdi bażi tajba biex tibni mudelli.  Rajt affarijiet magħmulin hekk, iżda dejjem kienu mudelli żgħar bħal presepji.  Dawn il-figuri tal-Belt kellhom il-kobor u għalhekk bżonn ta’ ħila akbar.  Ma nafx min kien l-artist iżda veru ħaqqu prosit.  

    Hi ħasra li dawn l-affarijiet li qed jinħolqu għal Valletta18 kull ma qed jagħmlu hu ftit żmien u wara jitneħħew.  Kien ikun aħjar li kieku dawn jibqgħu hemm għal dejjem għax jagħmlu l-Belt veru interessanti.  

    Hi ħasra akbar li dawn il-figuri ġew ivvandalizzati.  Il-vandaliżmu hi xi ħaġa li ma nistax nifhimha għaliex min iwettqu mhu ser jieħu xejn ħlief jissodisfa l-mibegħda tiegħu li ħafna drabi tiġi mill-għira għaliex jara li l-ħiliet tiegħu ma jwasslux sa dawk li kellu l-artist.  U biex jipprova jgħatti id-dgħjufija tiegħu jivvandalizza dak li ħoloq l-artist biex ma tidhirx id-dgħjufija fil-ħila tal-vandalist meta mqabbla ma’ tal-artist.

    Ilmenti

    Fid-dinja ma hawn xejn perfett.  Minħabba dan, ikun hawn l-ilmenti.  Aħna l-Maltin magħrufin għat-tgergir – għalhekk Maltese gemgem. 

    Tajjeb nagħmlu distinzjoni bejn tgergir u lment.  Filwaqt li tal-ewwel jindika li jien ingerger fuq xi ħaġa u ma jagħmel xejn, ilment jindika li barra li jien ingerger ħadt passi u ressaqt it-tgergir tiegħi bħala lment. Jien ma nemminx fit-tgergir għaliex minnu mhu ser joħroġ xejn.  Biss iċ-ċittadin għandu dritt li jressaq ilment.  Fil-fatt nemmen li għandu dmir li jagħmel hekk għax b’hekk biss jirranġaw l-affarijiet.

    Kemm ser ikun effettiv l-ilment tiegħek jiddependi minn numru ta’ affarijiet.  Inħoss li waħda mill-aktar affarijiet importanti hu li l-ilment jitressaq għand min għandu dmir li jieħu passi fuqu.  Għal ħafna nies din hi problema għax ma jafux l-istrutturi amministrattivi.  Meta jiġri hekk ġeneralment min iħoss xi nuqqas jew jibqa’ jgerger jew jieħu l-iqsar triq u jibda jfajjar bl-addoċċ.  Il-mezz li jintuża ħafna drabi jiddependi fuq l-eta’.  Min hu kbir fl-eta’ ġeneralment juża xi programm tar-radju filwaqt li dawk iżgħar fl-eta’ għandhom tendenza li jużaw is-social media. 

    Is-social media illum hi importanti.  Dan hu magħruf sew mill??-gvern, strutturi amministrattivi u anki n-negozji.  Għalhekk mhux l-ewwel darba li dawn għandhom nies biex jaraw x’qed jingħad fis-social media u barra li jwieġbu xi kultant jieħdu azzjoni.  Biss meta għal xi raġuni dan l-ilment jinqabeż, jintilef fil-bir tas-skieken.  Dawk tar-radju jippretendu li dejjem hemm xi ħadd biex jisma’ u jieħu passi fuq l-ilment tagħhom.  

    Illum bħal żminijiet oħra, il-maġġoranza kbira tan-nies iħossu li fl-aħħar mill-aħħar hu l-gvern li għandu dmir li jirranġa l-affarijiet anki meta dan ma jkollu x’jaqsam xejn.  Sa ċertu punt din l-attitudni hi xi ħaġa naturali peress li f’kull pajjiż il-gvern hu importanti u f’postijiet żgħar din l-importanza tikber ħafna.  

    Fi żminijiet oħra, kien korrett li tippretendi li l-gvern għandu jieħu l-passi.  Biss illum l-amministrazzjoni tal-pajjiż żviluppat.  Illum hemm ħafna regolaturi – strutturi amministrattivi li huma obbligati li jieħdu ħsieb li s-settur li jaqa’ taħthom jimxi tajjeb u għalhekk huma obbligati li jieħdu ħsieb l-ilmenti tal-konsumaturi  u tas-servizz.  Jekk nieħdu xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-finanzi, sakemm din ma tkunx taxxi jew xi benefiċċju, ġeneralment taqa’ taħt l-MFSA.  Jekk hi xi ħaġa dwar il-mezzi tat-trasport, hemm Trasport Malta.  Jekk xi ħaġa dwar is-servizzi tal-komunikazzjoni hemm l-MCA.  Jekk xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-konsumatur hemm l-MCCAA.  U nistgħu nibqgħu sejrin hekk għaliex illum tista’ tgħid li kull settur għandu r-regolatur tiegħu. Barra minhekk, illum hemm il-One Stop Shop li mill-esperjenza tiegħi qed jagħtu servizz tajjeb ħafna.

    Fil-fatt ħaġa li ddejjaqni hi meta xi kultant waqt li nkun qed insuq nisma’ xi programm fuq ir-radju u jkun hemm l-ilmenti.  L-ewwel ma ddejjaqni hi li dawk li ghandhom ilment ma jaqbdux biċċa karta u lapes u jibgħat ittra bl-ilment tiegħu lil dawn ir-regolaturi.  Illum għal ħafna dan hu aktar faċli għaliex hemm l-email barra li permezz tal-internet mal-ewwel tkun taf minn hu r-regolatur responsabbli.  

    Imma aktar minn hekk, li jdejjaqni hu li l-preżentatur, jekk inkun wieħed li jrid jgħin, jagħti impressjoni li ser jressaq l-ilment li jkun sema’ lill-Ministru responsabbli.  Personalment nemmen li dan hu żball.  L-ewwel, hu imporanti li nħeġġu n-nies jieħdu inizjattiva huma u jressqu dan l-ilment huma.  It-tieni, u aktar importanti, li jekk ser imexxu dawn l-ilmenti dawn imorru għand ir-regolatur u mhux għand il-Ministru.  Dan ir-regolaturi għalhekk inħolqu u għalhekk il-gvern qed joħroġ il-miljuni kull sena biex dawn ir-regolaturi jieħdu ħsieb dawn l-affarijiet.  Jien nippreferi li l-Ministri tagħna, taħt liema gvern ikunu, jieħdu ħsieb policies u jaraw li l-ġid tal-pajjiż ikompli jikber milli li jieħdu ħsieb l-ilmenti komuni li faċilment jistgħu jissolvu mir-regolaturi.  

    Sfortunatament ftit isir hekk u minħabba f’hekk il-magġoranza tal-ħin meta jkun hemm xi Ministru fuq xi programm u jkun hemm mistoqsijiet mill-pubbliku aktar iwieġeb ilmenti komuni milli jinfurmana bil-ħidma li qed jagħmel il-Ministeru tiegħu jew tagħha u bil-pjanijiet biex insolvu l-problemi li qed jolqtu l-pajjiż kollu.  

    Nemmen li dawn il-preżentaturi mingħajr ma jafu qed ikomplu jseddqu s-sistema l-antika u r-regolaturi, in-nies li huma bir-responsabbilta’ li jaraw dawn l-ilmenti, qed ikunu meħlusa minn din ir-responsabbilta’.  Kieku dawn in-nies qed inġegħluhom iwieġbu huma, ikollna r-regolarturi attivi u responsabbli u mhux bħal ma għandna llum li ħafna drabi lanqas biss jafu bihom in-nies. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0