Bulebel... aħbar tajba u ħażina fl-istess ħin

  • Mar 01, 2018 08:30
  • Miktub minn Alfred Sant

    BULEBEL

    L-aħbar li l-qasam industrijali ta’ Bulebel se jkollu jitkabbar hi waħda tajba u ħażina fl-istess ħin. Tajba għax turi li fil-qasam tal-manifattura qed ikun hemm żieda fl-attività li jeħtiġilha aktar spazju biex titwettaq. Ħażina għax art agrikola għammiela mill-ftit li baqa’ fil-pajjiż se tiġi sagrifikata.

    Għandu madankollu jiġi żgurat li l-ispazji li huma diġà dedikati għall-industrija tassew qed jintużaw għal hekk. Fl-imgħoddi ta’ spiss kien jiġri li meta fabrika tagħlaq, is-sidien iżommu d-dritt fuqha u jużawha biex jaħżnu fiha inġenji u materjali oħra jew għal skopijiet kummerċjali. Kien hemm anke min baqa’ juża l-fabrika bħala garaġ għall-ispeeedboat (jew tnejn) tiegħu.

    Il-problema dak iż-żmien kienet li biex taqla’ lil min mhux juża kif suppost l-ispazju mogħti lilu, kellek issegwi triq legali u burokratika twila ħafna.

    Nittama li mhux qed jiġri l-istess illum.

    KUNSILLI

    F’għeluq il-kwart ta’ seklu mit-twaqqif tal-kunsilli lokali, hu għaqli li l-operat tagħhom jingħata eżami kritiku. Matulu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin għandu jitqies bil-galbu.

    Fil-pożittiv, hemm il-fatt li f’numru sostanzjali ta’ inħawi l-kura lokali wasslet għal titjib fit-tmexxija ta’ servizzi u tad-dehra tal-post. Fin-negattiv, hemm il-pettikolezzi jew l-intenzjonijiet ħżiena li xekklu f’ċerti każi, it-tmexxija trasparenti u ġusta tal-finanzi u s-servizzi lokali.

    L-argument dwar jekk il-politika “partiġġjana” kellhiex titħalla fis-sistema lokali għadu ħaj. Veru li permezz tagħha, l-interess u l-parteċipazzjoni tal-votanti baqa’ qawwi. Il-kunsilli servew ukoll ta’ introduzzjoni għal diversi żgħażagħ u oħrajn fl-attività politika nazzjonali. Biss minħabba l-politika, parti sostanzjali mit-tmexxija lokali baqgħet soġġetta għal maniġġi u kalkoli okkulti.

    NRA

    Għal min mhuwiex Amerikan, ma tiftiehemx il-ħeġġa ta’ daqstant miljuni fl-Istati Uniti  biex akkost ta’ kollox iħallu ħelsien liema bħalu fil-bejgħ u fix-xiri tal-armi. F’massakru wara l-ieħor, mhux l-anqas f’universitajiet u fi skejjel, intwera kif dal-ħelsien qed jippermetti straġijiet li setgħu jkunu evitati b’aktar kontrolli.

    Wieħed mill-fallimenti tal-President Obama ġara meta pprova jdaħħalhom.

    Jintqal li kollu tort tan-National Rifle Association, l-aktar “lobby” qawwi fl-Istati Uniti wara dak ta’ Iżrael. Imma l-NRA hi qawwija, preċiżament għax għandha warajha dawk il-miljuni li jemmnu li l-ħelsien fin-negozju tal-armi hu t-timbru tal-ħelsien li l-kostituzzjoni Amerikana tiggarantixxi liċ-ċittadini.

    Hu inkoraġġanti li wara l-aħħar massakru ta’ Florida kienu ż-żgħażagħ li donnhom ħadu l-inizjattiva biex jimmobilizzaw kontra dil-fehma. Donnu li rnexxielhom anki jċaqalqu lid-ditti li kienu għar-raġunijiet kummerċjali tagħhom, jappoġġjaw lill-NRA f’ħidmietha.

    Wieħed jixtieq li l-attivisti żgħażagħ jirnexxu sal-aħħar f’għanijiethom. Sa issa, l-istorja tal-NRA turi li din dejjemirnexxielha tibqa’ minn fuq. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0