L-ANALIŻI TAL-KUMMISSJONI... INTERPRETAZZJONIJIET... TAĦBILA RUSSA

  • Mar 19, 2018 08:32
  • Miktub minn Alfred Sant

    L-ANALIŻI TAL-KUMMISSJONI

    Interessanti u siewi r-rendikont tal-ekonomija Maltija li għamlu l-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea għas-semester “Ewropew” ta’ dis-sena (dak l-istaġun li fih jiflu t-tmexxija ekonomika tal-pajjiżi membri u jagħtu l-ġudizzju tagħhom).

    Bħal analisti oħra, il-Kummissjoni Ewropea kellha tressaq xi kritika tal-ekonomija tagħna. Imqabbla ma’ dik li kitbet dwar ta’ ħaddieħor tinħass kajmana. Hu kważi punt ovvju li wieħed jistaqsi hix sostenibbli għat-tul ir-rankatura qawwija li nżammet sa issa f’Malta. Mhux ta’ min iwarrab punti oħra: dwar pereżempju, l-ħtieġa ta’ titjib sostanzjali fit-taħriġ u fil-kisbiet edukattivi; jew dwar it-tmexxija aktar bir-reqqa tas-setturi finanzjarji u tal-imħatri bl-internet...

    Naħseb li f’kuntrast ma’ rapport bħal tal-Kummissjoni, wasal iż-żmien li l-“Economic Survey” li jinħareġ mal-baġit kull sena jingħata fl-aħħar aġġornament serju. Ma jistax jibqa’ jinbena biss fuq l-istess formoli ta’ preżentazzjoni tas-snin sittin u sebgħin tas-seklu l-ieħor.

    INTERPRETAZZJONIJIET

    L-interpretazzjonijiet tal-istorja, riċenti jew imbiegħda, ivarjaw skont min qed jagħmilhom u ż-żmien li fih ikunu qed isiru. Ma jonqosx li l-ġrajjiet tal-aħħar tletin sena f’pajjiżna... fosthom id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u l-kollass elettorali tal-PN... jinsabu għaddejja minn dal-proċess. L-aktar fost kommentaturi Nazzjonalisti. 

    Personalment insibha ħaġa komika kif qed ikollhom jitqagħwġu lil hemm u lil hawn biex jibqgħu jagħtu tifsira “storika” koerenti ta’ kif żvolġew il-ġrajjiet. Aktar ma jipprovaw jgħarrxu fil-bogħod u fil-fond, aktar jinkixfu bħala nies li jqisu ruħhom ta’ itturufnati. Qishom il-Lhud fil-Bablonja, jitbekkew it-telfa ta’ Ġerusalemm.

    Mentri l-“aqwa” interpretazzjoni hi li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea herra l-bażi tal-organizzazzjoni tas-soċjetà Maltija kif konna qed niżviluppawha fl-aħħar seklu. Il-PN bilfors kellu jispiċċa fost il-“vittmi” ta’ din il-bidla. 

    TAĦBILA RUSSA

    L-istorja ta’ Skripal, l-eks-spjun Russu tal-Ingliżi, hi kerha. L-attentat fuqu u bintu kien kiefer u pperikola nies innoċenti li ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-ispjunaġġ. Il-ġrajja tfakkrek fl-attentat fuq iz-ziju ta’ Kim Jong Un fil-Malasja. 

    Id-differenza bejn iż-żewġ każi hi li l-awtoritajiet tal-Malasja ħarġu informazzjoni li turi kif ittella’ l-attakk fuq il-Korean u min kien warajh. Ma jidhirlix li sal-mument meta qed nikteb, l-istess ħaġa saret mill-awtoritajiet Brittaniċi fil-każ ta’ Skripal. 

     Hi ħaġa ċara li l-gvern Russu seta’ kellu interess ipattiha lil min spjuna kontra l-interess tal-pajjiż. Imma dan mhux biżżejjed bħala konferma li r-Russja hi wara l-biċċa. 

    Il-gvern Franċiż beda billi qal li jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri kontra l-gvern Russu meta jingħata t-tagħrif meħtieġ dwar min kien responsabbli tal-attakk fuq Skripal. L-għada, mid-dehra mingħajr ma ngħatat din l-informazzjoni, l-gvern Franċiż ta l-appoġġ tiegħu.

    Hemm ħafna stramberiji f’dal-każ. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook