Servizz Pubbliku

  • Mar 26, 2018 09:10
  • Miktub minn Alfred Sant

    Xi tfisser li tkun fis-servizz pubbliku?

    Inħallu fil-ġenb il-politika, li fl-aħjar sura tagħha, hi wkoll servizz publiku. Imma hemm min ma jridx ikun politikant u ma jridx ikun qed jaħdem għall-privat, waqt li jrid li x-xogħol tiegħu/tagħha jservi l-ġid komuni bla ebda ħsieb ta’ profitt personali.

    M’aħniex qed nagħtu kas biżżejjed ta’ nies b’din l-aspirazzjoni. (Ma tfissirx li min hu hekk, se jwarrab kull ħsieb li jaqla’/taqla’ paga tajba.)

    Matul is-snin, naqas l-ethos tas-servizz publiku bħala kanal ta’ ħidma li joffri opportunità ta’ xogħol serju, b’għanijiet li jiddistingwuh totalment mill-ġirja wara aktar flus u profitti.

    Mingħajr teatrini u priedki fil-vojt, għandna naraw kif nerġgħu nkebbsu l-ħeġġa għas-servizz publiku bħala ħidma li jixiriqilha kull stima.

    ***

    IMQABBLA MA’...

    L-Eurostat, l-aġenzija statistika tal-Unjoni Ewropea, ħarġet informazzjoni dwar x’parti mir-riżorsi ekonomiċi tagħhom (imkejla skont il-Prodott Gross Domestiku), il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jiddedikaw lill-oqsma differenti fil-ħidma publika. L-istess informazzjoni mbagħad ingħatat dwar l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. 

    Il-paraguni li joħorġu minn dan huma ta’ interess. Pereżempju, imqabbla ma’ x’parti mill-ekonomija tmur fuq ħarsien soċjali, Malta tiddedika 12 fil-mija għal dan il-għan; fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, iċ-ċifra tlaħħaq 19.1 fil-mija.

    Fis-saħħa wkoll ninsabu minn taħt. Aħna niddedikaw 5.6 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku lis-saħħa, waqt li għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, din iċ-ċifra titla’ għal 7.1 fil-mija.

    X’konklużjonijiet nistgħu naslu għalihom minn hekk?

    Fl-edukazzjoni, “ngħaddu” lill-Ewropa, billi 5.4 fil-mija tal-PGD Malti tmur fuq spiża edukattiva, mqabbla ma’ 4.7 fil-mija fl-Ewropa. Hawn tqum il-mistoqsija: għaliex mela f’dal-qasam, ir-riżultati tagħna mhumiex daqstant inkoraġġanti? 

    ***

    GĦASAFAR

    Storja kerha li dehret fil-midja Franċiżi l-ġimgħa li għaddiet iddeskriviet kif matul l-aħħar ħmistax-il sena, l-għasafar fil-kampanja Franċiża naqsu bit-terz. Il-kaċċaturi ma kinux il-kawża ta’ dan, imma l-ħidma biex tiżdied il-produzzjoni tal-biedja. 

    Il-pestiċidi li ntużaw – speċjalment jintqal, in-neonicotinoids – qerdu ħafna mill-insetti li l-għasafar jieklu f’parti miċ-ċiklu ta’ ħajjithom. Jiġifieri l-qerda tal-għasafar imxiet pass pass mal-qerda ta’ insetti meħtieġa għall-għajxien tagħhom.

    Imbagħad jissemma l-użu dejjem aktar mifrux ta’ artijiet agrikoli għall-koltivazzjoni tal-qmuħ meħtieġa għall-konsum uman. Dan qed iwassal biex jonqsu bil-kbir il-pjanti “slavaġ” bi żrieragħ li jiggostaw l-għasafar f’żoni li qabel ma kinux jiġu koltivati. 

    Il-prospett hu li l-kampanja Franċiża tispiċċa siekta għal kollox anke fir-rebbiegħa. L-għanja tal-għasafar tispiċċa referenza li ħadd aktar ma jifhem f’poeżiji miktuba fl-imgħoddi. Dan hu destin li diġà resqin lejh f’Malta wkoll – tgħid, minkejja dak li jintqal, għall-istess raġunijiet bħal fi Franza?

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0